Skont rapport ġdid li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, sakemm ma jagħmlux aktar sforz, l-UE u l-Istati Membri tagħha mistennija ma jilħqux l-għanijiet ambizzjużi tal-blokk għal żmien medju u twil, jiġifieri li jitnaqqsu bin-nofs u li gradwalment jiġu eliminati l-imwiet u l-korrimenti serji kkawżati minn inċidenti tat-traffiku. Minkejja l-approċċ komprensiv tal-Kummissjoni Ewropea, il-progress fit-tnaqqis tal-imwiet fit-toroq u tal-korrimenti serji staġna fi snin reċenti, u dan jixħet dubju serju fuq il-kapaċità tal-UE li telimina kważi għalkollox it-tnejn li huma sal-2050. Sal-2030, l-imwiet mistennija jonqsu bi kwart biss minflok bin-nofs previst taċ-ċifra għall-2019, meta 22 800 persuna nqatlu fit-toroq tal-UE.

L-inċidenti tat-triq huma kawża frekwenti ta’ mewt prematura fl-UE. L-utenti vulnerabbli bħall-persuni bil-mixi, iċ-ċiklisti u l-motoċiklisti huma partikolarment f’riskju, billi dawn jirrappreżentaw kważi 50 % tal-imwiet, u jaqbżu l-okkupanti tal-karozzi (45 %). Għal kull ħajja mitlufa, huwa stmat li ħames persuni oħra jsofru korrimenti serji.

L-UE mxiet ’il quddiem ħafna f’dak li jirrigwarda s-sikurezza fit-toroq, iżda għadhom qed jintilfu ħafna ħajjiet kuljum fit-toroq tagħna,” qalet Eva Lindström, il-Membru tal-QEA li mexxiet l-awditu. “Bir-rata ta’ progress ta’ issa, l-għan li l-fatalitajiet jitnaqqsu bin-nofs dan id-deċennju mhux se jintlaħaq. Jekk l-UE u l-Istati Membri tagħha jridu jilħqu l-għanijiet tagħhom, huma jeħtiġilhom jingranaw l-isforzi tagħhom.

Fl-2022 (l-aħħar sena rreġistrata b’data kompleta), kien hemm 20 640 persuna li tilfu ħajjithom fit-toroq tal-UE. Ir-rata ta’ fatalità medja fl-UE kienet ta’ 46 mewta fit-toroq għal kull miljun: l-Iżvezja kellha l-aktar rata baxxa bi 22, filwaqt li r-Rumanija kellha l-ogħla rata b’86. Biex jintlaħaq l-għan tal-2030, ikun meħtieġ tnaqqis annwali ta’ 4.6 % fl-UE kollha, iżda matul l-aħħar ħames snin ir-rata laħqet medja ta’ 2.5 % biss fis-sena. L-għanijiet tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq jistgħu jinkisbu biss jekk l-Istati Membri jistabbilixxu l-politiki u l-finanzjament meħtieġa, billi huma dawk li jinsabu fuq quddiem nett fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ ċerti miżuri li jistgħu jtejbu direttament is-sikurezza fit-toroq. Biex tgħinhom jipprevienu l-fatalitajiet u l-korrimenti serji, il-Kummissjoni adottat approċċ b’diversi saffi: is-Sistema Sikura tal-UE, li hija bbażata fuq tmien pilastri, inklużi l-vetturi sikuri, l-infrastruttura tat-toroq, u l-użu tat-toroq. L-awdituri jsibu li l-approċċ huwa komprensiv, iżda huma jiġbdu wkoll l-attenzjoni għal nuqqasijiet. Pereżempju, il-monitoraġġ li l-Kummissjoni twettaq fir-rigward tal-prestazzjoni tal-Istati Membri għadu mhux effettiv. Barra minn hekk, l-azzjoni tal-UE ma tkoprix l-oqsma kollha ta’ riskju, bħall-veloċità, li – flimkien mas-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol, ma jintlibsux iċ-ċinturini tas-sikurezza, u d-distrazzjoni tas-sewwieq – hija waħda mill-kawżi prinċipali tal-inċidenti.

Bejn l-2014 u l-2020, l-UE pprovdiet madwar EUR 6.7 biljun għal proġetti li kkontribwew għas-sikurezza fit-toroq. Madankollu, ir-rekwiżiti tal-UE ma jkoprux l-infrastruttura bl-aktar fatalitajiet, bħal żoni urbani, passaġġi għaċ-ċiklisti, u toroq mhux primarji. Fl-istess ħin, il-livelli tal-progress fl-approċċi tas-sikurezza fit-toroq ivarjaw sinifikattivament bejn il-pajjiżi tal-UE. Huwa interessanti li l-valur attribwit għall-ħajja tal-bniedem ivarja b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri meta jiġu biex jistmaw il-benefiċċji ekonomiċi tal-proġetti. Minbarra dan, is-sikurezza fit-toroq ma kinitx kriterju ewlieni meta ntgħażlu l-proġetti biex din tittejjeb, billi kienet qed tikkompeti ma’ prijoritajiet oħra bħat-trasport aktar ekoloġiku. Barra minn hekk, il-kriterji tal-għażla spiss naqsu milli jimmiraw lejn il-hotspots tal-inċidenti. Billi l-finanzjament li jingħata mill-UE għas-sikurezza fit-toroq jaf jonqos fis-snin li ġejjin, se jkun saħansitra aktar importanti li jiġi żgurat li dan jintuża bl-aħjar mod sabiex jiġu salvati l-ħajjiet.

Informazzjoni ġenerali

Is-sikurezza fit-toroq hija kwistjoni soċjetali ewlenija fl-UE. Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa prinċipalment li tikkoordina l-attivitajiet tal-UE, speċjalment fil-livell transfruntier. L-Ewropa għandha l-aktar rata ta’ fatalità baxxa fit-toroq fid-dinja: l-imwiet fit-toroq fl-UE naqsu b’mod sostanzjali mis-sena 2000 ’il hawn, bi tnaqqis ta’ 36 % bejn l-2010 u l-2020, iżda r-rata kienet ferm inqas minn dik ta’ 50 % li kienet prevista. L-ilħuq tal-objettivi tal-UE jaf isir aktar diffiċli, billi se jsir dejjem aktar diffiċli li jinkiseb titjib sinifikanti minn dak li diġà huwa livell tajjeb ta’ prestazzjoni. L-awdituri eżaminaw l-azzjoni tal-Kummissjoni, u wettqu żjarat tal-awditjar f’erba’ Stati Membri – Spanja, il-Litwanja, ir-Rumanija u s-Slovakkja – li lkoll għandhom rekords differenti dwar is-sikurezza fit-toroq. L-awditu sar fl-isfond ta’ flotta tal-karozzi li qed tiqdiem u tal-isfidi l-ġodda li jirriżultaw minn apparati ta’ mobbiltà personali (eż. scooters elettriċi) u vetturi awtonomi. Iċ-ċifri preliminari tal-2023 dwar il-fatalitajiet fit-toroq, maħruġa fit-8 ta’ Marzu 2024, jikkonfermaw il-progress kajman, bi tnaqqis ta’ 1 % biss meta mqabbel mal-2022.

Sikurezza fit-toroq: l-isforzi tal-UE jridu jiġu ingranati