Skont rapport li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-lobbjar lil-leġiżlaturi tal-UE jista’ jibqa’ mistur mingħajr ma jinqabad. Ir-reġistru tat-trasparenza tal-UE, li jipprovdi informazzjoni dwar min jillobbja lill-Kummissjoni, lill-Parlament, u lill-Kunsill, għandu karatteristiċi pożittivi u jinforma liċ-ċittadini dwar l-influwenza potenzjali tal-lobbisti. Madankollu, ibati minn dgħufijiet u lakuni fl-informazzjoni li jagħmlu l-attivitajiet ta’ lobbjar fit-tliet l-akbar istituzzjonijiet tal-UE inqas trasparenti. Barra minn hekk, il-lobbisti jistgħu jevitaw ir-reġistru għal firxa ta’ interazzjonijiet fejn xorta jistgħu jinfluwenzaw lil-leġiżlaturi tal-UE.

Il-lobbjar huwa għodda demokratika essenzjali li tippermetti lil organizzazzjonijiet u individwi jagħtu input għat-tfassil ta’ politiki u t-teħid ta’ deċiżjonijiet. Madankollu, mingħajr mekkaniżmi ta’ trasparenza, huwa jista’ jirriżulta f’influwenza indebita, kompetizzjoni inġusta, u saħansitra korruzzjoni. Biex jiskoraġġixxu mġiba mhux etika min-naħa tal-persunal, l-istituzzjonijiet tal-UE japplikaw l-oqfsa etiċi tagħhom stess. Il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill ukoll aderew mar-reġistru tat-trasparenza tal-UE, li huwa punt ta’ dħul ċentrali għal lobbisti li jixtiequ jinfluwenzaw l-iżvilupp ta’ politiki u t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE. Fl-2021, dawn l-istituzzjonijiet qablu dwar il-prinċipju tal-kundizzjonalità, li permezz tiegħu r-reġistrazzjoni hija prekundizzjoni neċessarja biex il-lobbisti jkunu jistgħu jwettqu ċerti attivitajiet.

Ir-reġistru tat-trasparenza tal-UE jrid jissaħħaħ sabiex ma jsirx ineffettiv,” qal Jorg Kristijan Petrovič, il-Membru tal-QEA li mexxa l-awditu. “Għalkemm jipprovdi informazzjoni utli dwar il-lobbjar, mhuwiex soluzzjoni maġika. Firxa ta’ interazzjonijiet ta’ lobbjar mal-leġiżlaturi tal-UE tista’ tinħeba mill-viżibbiltà pubblika, u b’hekk it-trasparenza titnaqqas u l-fiduċja pubblika tintlaqat.”

Il-ftehim interistituzzjonali tal-2021 huwa ġeneralment konformi mal-prinċipji internazzjonali għat-trasparenza u l-integrità fil-lobbjar. Madankollu, ma jistipulax rekwiżiti minimi għall-implimentazzjoni. Minflok, huwa jħalli lok għall-istituzzjonijiet biex japplikawh b’mod differenti, pereżempju fir-rigward ta’ liema attivitajiet ta’ lobbjar jeħtieġu reġistrazzjoni, jew kif il-lobbisti jistgħu jinteraġixxu mal-membri u mal-persunal tal-istituzzjonijiet. Il-fatt huwa li l-lobbisti jeħtiġilhom jirreġistraw biss għal ċerti laqgħat u attivitajiet (eż. jattendu seduti ta’ smigħ jew gruppi ta’ esperti). Pereżempju, organizzazzjoni nongovernattiva identifikata f’“Qatargate” ma kinitx reġistrata, iżda kienet ospitat b’mod konġunt konferenza li saret fil-Parlament f’Ġunju 2022. Fl-istess ħin, mhumiex biżżejjed il-miżuri ta’ infurzar li l-istituzzjonijiet jistgħu jieħdu sabiex jiżguraw li l-lobbisti jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ reġistrazzjoni u informazzjoni. Bejn l-2019 u l-2022, tneħħew medja ta’ kważi 1 000 lobbist kull sena għal raġunijiet amministrattivi. B’kuntrast ma’ dan, sitta biss tneħħew wara investigazzjonijiet.

L-awdituri jesprimu kritika dwar il-fatt li l-lobbisti jeħtiġilhom ikunu rreġistrati biss biex jiltaqgħu mal-persunal tal-ogħla grad, u li l-laqgħat skedati minn qabel biss jiġu rrappurtati. M’għandux għalfejn jinżamm rekord ta’ laqgħat spontanji, telefonati mhux skedati, u skambji bil-posta elettronika, u l-lobbisti mhumiex meħtieġa jirreġistraw biex jiltaqgħu ma’ persunal taħt il-livell ta’ Direttur Ġenerali, jiġifieri l-biċċa l-kbira mill-persunal. Għalkemm l-istituzzjonijiet qed jieħdu passi biex iżidu t-trasparenza u jinkoraġġixxu r-reġistrazzjoni, biex b’hekk tiġi ppubblikata aktar informazzjoni dwar laqgħat u attivitajiet ma’ lobbisti rreġistrati, din l-informazzjoni ma tiġix ippubblikata fuq bażi sistematika. Barra minn hekk, jenħtieġ li jittejbu aktar il-verifiki fuq id-data rreġistrata mil-lobbisti, partikolarment billi hemm riskju li NGOs iffinanzjati minn partijiet terzi ma jiddivulgawx is-sorsi ta’ finanzjament tagħhom għaliex jiddikjaraw biss li jirrappreżentaw l-interessi tagħhom stess jew l-interess kollettiv tal-membri tagħhom, kif inhu l-każ ta’ terz tal-NGOs irreġistrati. Fl-aħħar nett, is-sit web tar-reġistru għandu żvantaġġi sinifikanti f’dak li għandu x’jaqsam mal-għoti ta’ informazzjoni suffiċjenti fuq aspetti ewlenin ta’ attivitajiet ta’ lobbjar biex jingħata lok għal skrutinju pubbliku, u jenħtieġ li jkun aktar faċli għall-utent.

Informazzjoni ġenerali

L-għadd ta’ lobbisti elenkati fir-reġistru tat-trasparenza tal-UE żdied sinifikattivament minn mindu nħoloq, minn madwar 5 500 fl-2012 għal bejn wieħed u ieħor 12 500 fl-2024. Ir-reġistru huwa volontarju u bbażat fuq il-ftehim interistituzzjonali, li mhuwiex att leġiżlattiv infurzabbli. Fih innifsu, ma jistax iwassal għal penali, għall-kuntrarju ta’ xi arranġamenti ta’ lobbjar f’pajjiżi tal-UE li jkopru wkoll firxa usa’ ta’ persunal. F’Diċembru 2022, ħarġu allegazzjonijiet li l-Qatar kien influwenza illegalment – jew saħansitra xaħħam – MPE biex jilħaq għanijiet ta’ politika barranija (“Qatargate”). Minn dakinhar il-Parlament ħa diversi deċiżjonijiet fuq kif jimplimenta r-reġistru. L-awditu nbeda qabel dan, u ffoka fuq il-perjodu 2019-2022, iżda ħa inkunsiderazzjoni dawn id-deċiżjonijiet. Reċentement l-Ombudsman Ewropew sab amministrazzjoni ħażina mis-segretarjat tar-reġistru – komuni għat-tliet istituzzjonijiet – għaliex dan naqas milli jwettaq investigazzjonijiet sinifikattivi.

Ir-Rapport Speċjali 05/2024 “Ir-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE: jipprovdi informazzjoni utli iżda limitata dwar l-attivitajiet ta’ lobbjar”, huwa disponibbli fuq is-sit web tal-QEA. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-awdituri huma utli għar-rieżaminar fl-2025 tal-ftehim interistituzzjonali. Fl-2019, il-QEA ħarġet rapport dwar l-oqfsa etiċi fl-istituzzjonijiet tal-UE.

Il‑lobbjar lil‑leġiżlaturi: Awditu tal‑UE jiżvela partijiet fit‑trasparenza li ma jidhrux