Il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea indirizzaw biss parzjalment l-isfidi tas-suq tax-xogħol tagħhom. Dan għamluh permezz tar-riformi li wiegħdu li jagħmlu bi skambju għal flus mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), li ġiet stabbilita wara l-pandemija tal-COVID-19 u li għandha valur konsiderevoli ta’ EUR 650 biljun. Dan skont rapport ġdid li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Ir-riformi taħt l-RRF kisbu xi riżultati, iżda jew ma indirizzawx nofs ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kunsill jew indirizzawhom biss marġinalment. F’xi pajjiżi, ċerti sfidi strutturali li huma partikolarment importanti għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea għalhekk baqgħu ma ġewx indirizzati, inkluża l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi vulnerabbli jew it-tmexxija tat-taxxi lil hinn mix-xogħol.
Permezz tal-RRF, l-Unjoni Ewropea għall-ewwel darba rabtet il-finanzjament għall-Istati Membri mal-implimentazzjoni tar-riformi ekonomiċi u soċjali, inkluż fil-qasam tal-politiki dwar ix-xogħol u l-impjiegi. Biex jirċievu l-fondi tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri kellhom jimpenjaw ruħhom li jwettqu sett ta’ investimenti u riformi. Dawn għandhom jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi “kollha, jew subsett sinifikanti minnhom”, li l-Kunsill kien talabhom jegħlbu qabel permezz ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.
“Brussell tuża l-fondi tal-RRF bħala inċentiv għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex iwettqu riformi strutturali importanti u jagħmlu l-ekonomiji tagħhom aktar reżiljenti”. Dan qalitu Ivana Maletić, il-Membru tal-QEA inkarigata bir-rapport. “Madankollu, fil-qasam tal-politiki tas-suq tax-xogħol, ir-riformi evitaw xi problemi strutturali li huma ta’ importanza partikolari għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, s’issa ma hemm l-ebda evidenza li madwar nofs ir-riformi wasslu għal riżultati tanġibbli jew kellhom impatt fuq is-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri.”
Fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, l-Istati Membri inkludew kważi 100 riforma tas-suq tax-xogħol li jvarjaw f’dak li jikkonċerna l-ambitu u l-ambizzjoni. Diversi riformi għandhom il-potenzjal li jindirizzaw l-isfidi strutturali, bħar-riforma tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad fi Franza. Madankollu, oħrajn — bħall-miżura temporanja “Garanzija Soċjali 2021” fil-Ġermanja — huma inqas probabbli li jagħmlu bidliet li jħallu impatt. Ir-riformi indirizzaw b’mod sostanzjali 40 % biss tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti, indirizzaw marġinalment 26 %, u naqsu milli jindirizzaw 34 %. Barra minn hekk, l-ebda wieħed mill-Istati Membri ma indirizza bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tas-suq tax-xogħol permezz tar-riformi taħt l-RRF tiegħu, il-pjanijiet ta’ erba’ Stati Membri ma kienu jinkludu l-ebda riforma li tindirizza r-rakkomandazzjonijiet, filwaqt li erbgħa oħra indirizzawhom b’mod sostanzjali.
L-implimentazzjoni tal-RRF għadha għaddejja u ħafna riformi tas-suq tax-xogħol għad iridu jitlestew. Dan ifisser li jaf għadu kmieni wisq biex ikun hemm riżultati sinifikanti tar-riformi. Madankollu, ir-riformi li tlestew ma kinux il-fattur ewlieni li għen biex tiġi aġġornata l-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet s’issa.
Ir-riformi ġeneralment wasslu l-outputs mistennija tagħhom, u dan bażikament ifisser li ġew adottati liġijiet ġodda. Madankollu, għal madwar nofs ir-riformi — eż. fl-oqsma tat-tagħlim tul il-ħajja, l-appoġġ għal dawk li qed ifittxu impjieg u t-titjib tal-assistenza għall-qgħad — l-Istati Membri rispettivi ma setgħu jipprovdu l-ebda evidenza ta’ riżultati. Apparti hekk, huwa diffiċli li jiġi vvalutat l-impatt tar-riformi fil-prattika, minħabba li spiss ma jkun hemm l-ebda indikatur adatt fis-seħħ.
Is-sejbiet tal-awditu jindikaw b’mod ċar il-ħtieġa għal informazzjoni f’waqtha u valutazzjoni ulterjuri tal-effettività tar-riformi taħt l-RRF. L-awdituri jappellaw lill-eżekuttiv tal-UE biex jistabbilixxi qafas ħalli jivvaluta r-riżultati tagħhom, jara li l-Istati Membri jkopru l-isfidi ewlenin kif xieraq, u jivverifika li l-istadji importanti u l-miri jinkludu l-partijiet essenzjali kollha tar-riformi.
L-RRF hija parti essenzjali mill-objettiv tal-UE li timmitiga l-konsegwenzi ekonomiċi mill-pandemija tal-COVID-19 u trawwem irkupru ekonomiku u reżiljenza sostenibbli billi tappoġġa lill-Istati Membri huma u jimplimentaw riformi u investimenti komprensivi. L-RRF ġiet stabbilita fl-2021 bħala strument temporanju ta’ finanzjament għall-kriżijiet, u tintemm fl-2026.
Il-politiki dwar ix-xogħol u l-impjiegi jaqgħu esklużivament taħt il-kompetenza tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, kull sena matul iċ-ċiklu ta’ koordinazzjoni ekonomika magħruf bħala s-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni tagħmel proposti għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) għal kull Stat Membru, li l-Kunsill imbagħad jadotta u jitlob lill-pajjiżi jieħdu miżuri speċifiċi biex jaraw li l-politiki ekonomiċi tagħhom ikunu sodi. Is-CSRs jindirizzaw ukoll problemi strutturali fil-politiki tal-impjiegi, u jistgħu jiġu indirizzati wkoll minn fondi nazzjonali jew fondi oħra tal-Unjoni Ewropea.
Dan huwa l-ewwel awditu tal-QEA dwar l-effettività tar-riformi tal-RRF. L-awdituri eżaminaw jekk ir-riformi tas-suq tax-xogħol inklużi fil-pjanijiet nazzjonali għenux b’mod effettiv biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-suq tax-xogħol tal-Istati Membri li tqajmu b’mod partikolari fis-CSRs tal-2019 u tal-2020. Għal erba’ Stati Membri (il-Belġju, il-Greċja, Spanja u l-Portugall), l-awdituri vvalutaw ukoll jekk ir-riformi li tlestew kinux kisbu riżultati u għenux fl-implimentazzjoni tas-CSRs tagħhom.
Ir-Rapport Speċjali 10/2025, “Riformi tas-suq tax-xogħol fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza: Inkisbu xi riżultati, iżda dawn mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw l-isfidi strutturali”, huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-QEA. Ir-rapporti relatati preċedenti tal-QEA huma disponibbli f’din it-taqsima ddedikata għall-RRF.