Kif ninsabu ċerti li lkoll tafu, it-8 ta’ Marzu huwa l-Jum Internazzjonali tan-Nisa! Jum li fih niċċelebraw il-kisbiet soċjali, ekonomiċi, kulturali u politiċi tan-nisa, iżda huwa wkoll jum li fih nirriflettu dwar it-triq twila li għad hemm quddiemna biex niksbu parità bejn il-ġeneri. Fil-livell tal-UE, qed ikomplu jiġu proposti u jgħaddu leġiżlazzjonijiet biex id-drittijiet tan-nisa u l-bniet jiġu avvanzati. Sa fejn huma involuti l-fondi tal-UE, aħna fi ħdan il-QEA skrutinizzajna din il-politika biex nivvalutaw l-effettività tagħha. Is-sejbiet tagħna kienu mħallta.

Bla dubju hemm progress u ħafna rieda tajba. Sentejn ilu, fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet direttiva dwar miżuri biex tintemm il-vjolenza kontra n-nisa. Inqas minn xahar ilu, intlaħaq qbil dwar il-liġi bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Għalkemm għad irid jiġi finalment adottat, it-test finali se jikkriminalizza firxa ta’ reati, bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili, il-vjolenza ċibernetika u ż-żwieġ furzat, f’pajjiżi li għadhom ma għamlux hekk.

Madankollu, l-awdituri tagħna sabu li r-realtà xi drabi ma tirriflettix l-għanijiet nobbli tal-UE. Fl-2021, il-QEA ppubblikat rapport speċjali dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri (jiġifieri l-promozzjoni attiva tal-parità bejn il-ġeneri f’kull livell tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE). Sibna li l-Kummissjoni bilkemm kienet għamlet biżżejjed biex timplimenta l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tagħha, u li jenħtieġ li jitwettqu analiżijiet tal-impatt fuq il-ġeneri għall-finanzjament kollu li jingħata mill-UE u tinġabar data separata b’mod sistematiku għal kull ġeneru. “L-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur fundamentali tal-UE”, tafferma Eva Lindström, il-Membru tal-QEA li kienet responsabbli mill-awditu. “Ir-rapport tagħna kien importanti ħafna biex jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-progress lejn l-ilħuq ta’ dan l-għan miexi bil-mod wisq. Nosservaw li l-Kummissjoni Ewropea aċċettat bis-sħiħ jew parzjalment ir-rakkomandazzjonijiet kollha tagħna fl-2021. Madankollu, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Ewropa għadha tinsab f’riskju. Ejjew nibqgħu attenti”.

Is-sena l-oħra ppubblikajna wkoll rapport dwar l-“Inizjattiva Spotlight”, li hija programm konġunt tal-UE u tan-NU biex tintemm il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet madwar id-dinja. Sibna li filwaqt li l-iskema kienet pass pożittiv, il-proporzjon ta’ finanzjament li wasal għand il-benefiċjarji finali kien baxx wisq u li t-tul ta’ żmien tiegħu kien qasir wisq biex joħloq impatt dejjiemi.

Iżda fejn ninsabu rigward l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hawn fi ħdan il-QEA? Mela, din hija storja familjari. B’mod ġenerali, għad hemm bilanċ konsistenti bejn il-ġeneri fost il-persunal tagħna, u bħalissa n-nisa għandhom vantaġġ żgħir (53:47). Ir-rappreżentanza femminili fil-maniġment superjuri rat titjib sinifikanti bejn l-2015 u tmiem l-2022, u l-proporzjon ta’ maniġers prinċipali nisa fl-awli tal-awditjar żdied b’aktar minn erba’ darbiet. Madankollu, in-nisa f’pożizzjonijiet maniġerjali għadhom sottorappreżentati (39 % sa tmiem l-2022) u huma rrappreżentati żżejjed f’pożizzjonijiet bi grad aktar baxx, billi jokkupaw aktar minn 66 % tal-impjiegi segretarjali u dawk ta’ assistenti. Barra minn hekk, tliet Membri ġodda li nħatru l-aktar reċentement għall-Qorti kienu nisa, u b’hekk ir-rappreżentanza femminili fost il-Membri żdiedet għal 40 % b’mod ġenerali.

L-UE għamlet biżżejjed għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri?