Il-QEA tippubblika r-riżultati tax-xogħol tal-awditjar tagħha f’diversi rapporti – rapporti annwali, rapporti annwali speċifiċi u rapporti speċjali – skont it-tip ta’ awditu li jkun twettaq. Hija tippubblika wkoll opinjonijiet u pubblikazzjonijiet analitiċi.
Rapporti annwali fihom ir-riżultati tax-xogħol tal-awditjar finanzjarju u tal-konformità relatat mal-baġit tal-Unjoni Ewropea u mal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp. Huma jinkludu d-dikjarazzjonijiet ta' assigurazzjoni annwali, u jkopru wkoll aspetti ta' ġestjoni baġitarja u ta' prestazzjoni baġitarja.
Rapporti annwali speċifiċi jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi finanzjarji annwali tal-aġenziji, il-korpi deċentralizzati u l-impriżi konġunti tal-UE.
Rapporti speċjali jippreżentaw ir-riżultati ta' awditi magħżula tal-prestazzjoni u tal-konformità li jikkonċernaw oqsma ta' nfiq jew ta' politika speċifiċi, jew kwistjonijiet baġitarji jew ta' ġestjoni speċifiċi.
Ir-rapporti analitiċi huma bbażati fuq l-għarfien u l-esperjenza li aħna nkunu akkumulajna. Huma jkopru diversi suġġetti relatati mal-politika u l-ġestjoni tal-UE, u l-objettivi tagħhom ivarjaw. Huma jistgħu jipprovdu deskrizzjoni li tispjega l-kuntest kif ukoll analiżi abbażi tal-awditi li ppubblikajna, spiss minn perspettiva trażversali. Aħna nużawhom ukoll biex nippreżentaw l-analiżi tagħna ta’ oqsma jew kwistjonijiet li nkunu għadna ma awditjajniex, jew biex nistabbilixxu fatti dwar suġġetti jew problemi speċifiċi. Sa Settembru 2019, il-pubblikazzjonijiet analitiċi tagħna kienu magħrufin b’mod divers bħala analiżijiet panoramiċi, dokumenti informattivi u analitiċi u analiżijiet rapidi dwar każijiet speċifiċi. Dawn issa lkoll ingħataw l-isem ġdid ta’ “rapporti analitiċi”, iżda wieħed jista’ jibqa’ jfittixhom skont it-titli preċedenti tagħhom.
Opinjonijiet jipprovdu l-fehmiet tagħna dwar liġijiet ġodda jew liġijiet aġġornati b’impatt sinifikanti fuq il-ġestjoni finanzjarja tal-UE.
Ir-rapporti, l-opinjonijiet u l-analiżijiet kollha jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-QEA bil-lingwi uffiċjali tal-UE.