11/12/2020
Fil-kuntest tan-negozjati leġiżlattivi dwar is-sistema ta' finanzjament il-ġdida tal-UE, il-Kunsill qed jipproponi simplifikazzjoni tal-kalkolu tar-riżorsa propja bbażata fuq il-VAT u talab opinjoni dwar dan mingħand il-QEA malajr kemm jista' jkun.
Aħna nilqgħu l-proposta tal-Kunsill, li tissimplifika sinifikattivament il-kalkolu attwali tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bbażati fuq il-VAT permezz tal-eliminazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-korrezzjonijiet u tal-kumpensi, u permezz tal-introduzzjoni tal-użu ta' Rata Medja Ponderata (WAR) “definittiva" pluriennali ffriżata fis-sena ta' referenza tal-2016. Madankollu, fl-opinjoni tagħna, hemm riskju li tali WAR pluriennali ffriżata mhux se tkun rappreżentattiva għall-Istati Membri kollha. Konsegwentement, il-kalkolu kemm tal-bażijiet tal-VAT tal-Istati Membri kif ukoll tal-kontribuzzjonijiet relatati ta' dawn tal-aħħar jista' jkun li ma jżommx preċiżjoni raġonevoli.
Sabiex titjieb il-proposta attwali, aħna nissuġġerixxu li titqies il-possibbiltà ta' mekkaniżmu li jkun jiżgura li l-WAR tiġi rieżaminata, matul il-perjodu tal-qafas finanzjarju pluriennali, pereżempju, fid-dawl tat-tibdil fil-politiki tal-VAT tal-Istati Membri. Aħna nemmnu li s-suġġeriment tagħna se jiżgura preċiżjoni akbar mingħajr ma joħloq ħafna piż amministrattiv għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri.
Opinjoni Nru 11/2020 dwar l-Abbozz ta’ Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud
603 KB
|