Matul l-2021, iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha se jkomplu l-ġlieda tagħhom kontra l-konsegwenzi tal-pandemija globali tal-COVID-19.
F’dawn iż-żminijiet diffiċli, l-Unjoni Ewropea qed tipprovdi assistenza finanzjarja fuq skala mingħajr preċedent. Minbarra r-riżorsi baġitarji tradizzjonali maqbula bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-perjodu 2021-2027, l-UE ddeċidiet li tniedi l-inizjattiva
“Next Generation EU” (NGEU), pakkett għall-irkupru magħmul minn fondi supplementari bbażati fuq titoli ta’ dejn.
Ir-rwol tagħna bħala l-awditur indipendenti estern tal-Unjoni Ewropea huwa li nivverifikaw li l-fondi tal-UE jinġabru u jintefqu skont ir-regoli u r-regolamenti rilevanti, kif ukoll li jiġu kontabilizzati b’mod xieraq u jintużaw b’mod effiċjenti u effettiv fl-interess taċ-ċittadini tal-UE. Dan japplika wkoll għall-miżuri l-ġodda li ttieħdu mill-UE biex iċ-ċittadini jiġu mħarsa mill-effetti avversi tal-pandemija. Fl-2021, wieħed minn kull erba’ kompiti tal-awditjar li għandhom jibdew se jittratta r-rispons li l-UE tat għall-pandemija tal-COVID-19 u l-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-NGEU.
Il-programm ta’ ħidma għall-2021 u lil hinn jimmarka wkoll il-bidu tal-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida tagħna intitolata
Strateġija tal-QEA għall-perjodu 2021-2025, li nħeġġiġkom tikkonsultaw.
Fil-ħames snin li ġejjin, aħna biħsiebna niffukaw fuq tliet għanijiet strateġiċi:
Għan 1:
Isir titjib f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ rendikont, it-trasparenza u l-arranġamenti tal-awditjar f’kull tip ta’ azzjoni li tittieħed mill-UE.
Għan 2:
L-awditi li nwettqu jiġu mmirati lejn l-oqsma u s-suġġetti fejn aħna nistgħu nipprovdu l-aktar valur miżjud, b’mod partikolari f’erba’ oqsma strateġiċi ta’ politiki u programmi tal-UE:
o Il-kompetittività ekonomika tal-Unjoni;
o Ir-reżiljenza fil-konfront ta’ theddid għas-sigurtà tal-Unjoni, u r-rispett għall-valuri Ewropej tal-libertà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;
o It-tibdil fil-klima, l-ambjent u r-riżorsi naturali; u
o Il-politiki fiskali u l-finanzi pubbliċi fl-Unjoni.
Għan 3:
L-għoti ta’ aċċertament qawwi tal-awditjar f’ambjent diffiċli u li qed jinbidel.
Hawn taħt tistgħu ssibu lista ta’ 73 rapport speċjali u rapport analitiku li biħsiebna nippubblikaw fl-2021 u fl-2022, li ġew strutturati taħt l-erba’ oqsma strateġiċi deskritti hawn fuq.
Aħna adottajna l-programm ta’ ħidma tagħna għall-2021 u lil hinn waqt li l-pandemija tal-COVID-19 qed tkompli taffettwa kważi kull aspett ta’ ħajjitna u x-xogħol tagħna. Nixtieq nassigurakom li aħna nifhmu l-pressjoni li taħtha qed jaħdmu l-istituzzjonijiet tal-UE, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri kif ukoll il-benefiċjarji tal-għajnuna tal-UE llum il-ġurnata. Għalhekk, se nkomplu nagħmlu kull sforz biex nillimitaw il-piż amministrattiv tax-xogħol tal-awditjar tagħna fuq l-entitajiet li nawditjaw. Fl-istess ħin, l-impatt tal-pandemija fuq l-operazzjonijiet proprji tagħna jfisser li aħna se nkunu meħtieġa nwettqu l-programm ta’ ħidma tagħna b’mod kawt u flessibbli.
Minkejja dawn l-isfidi, iċ-ċittadini tal-UE u l-partijiet ikkonċernati u s-sħab istituzzjonali tagħna, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri, jistgħu jkomplu jorbtu fuqna anki fl-2021 biex nipprovdulhom rapporti indipendenti u oġġettivi dwar kwistjonijiet ewlenin għall-futur tal-UE, billi nenfasizzaw dak li jiffunzjona tajjeb u niġbdu l-attenzjoni għal dak li ma jiffunzjonax kif suppost.