L-UE tiffinanzja l-politiki tagħha permezz tal-baġit tagħha. Il-baġit tal-UE, u l-politiki li tappoġġa, huma l-fokus prinċipali tax-xogħol tal-awditjar tal-QEA.
Permezz tal-baġit tagħha, l-UE timmira li trawwem tkabbir ekonomiku u prosperità filwaqt li tippreżerva l-wirt soċjali, kulturali u naturali tal-Ewropa. L-UE qiegħda wkoll tappoġġa pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.
L-infiq annwali tal-Unjoni Ewropea huwa ekwivalenti għal madwar 1 % tal-ġid ekonomiku tal-UE (ING). Għall-paragun, l-infiq pubbliku fit-28 Stat Membru tal-UE jammonta għal bejn 40 u 60 % tal-ING.
Fuq xiex jintnefqu l-flus?
Il-limiti massimi għall-infiq tal-UE għal oqsma wiesgħa ta' politika huma definiti fi pjanijiet ta' seba' snin imsejħa oqfsa finanzjarji pluriennali (QFP). Il-QFP huwa deċiż b'mod unanimu mill-Istati Membri tal-UE bil-kunsens tal-Parlament Ewropew. L-infiq isir skont l-intestaturi li ġejjin:
1. Tkabbir Intelliġenti u Inklużiv |
1a: Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi |
1b: Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali |
2. Tkabbir Sostenibbli: Riżorsi Naturali |
3. Sigurtà u ċittadinanza |
4. Ewropa Globali |
5. Amministrazzjoni |
Issib aktar informazzjoni dwar l-oqsma ta' nfiq tal-baġit tal-UE f'taqsima ddedikata: oqsma ta’ nfiq.
Għall-perjodu 2014-2020, il-QFP jipprevedi pagamenti li jammontaw għal total ta' EUR 908 biljun, madwar EUR 130 biljun kull sena (bil-prezzijiet tal-2011). Limitu massimu annwali jiġi stabbilit għal kull intestatura, espress f'approprjazzjonijiet ta' impenn (wegħdiet legalment vinkolanti li se jintnefqu flus li mhux neċessarjament jitħallsu fl-istess sena iżda jistgħu jiġu żborżati matul bosta snin finanzjarji). Barra minn hekk, hemm limiti massimi kumplessivi annwali għall-approprjazzjonijiet ta' pagament (l-ammont totali reali awtorizzat għal żborżament f'sena partikolari).
Għal kull sena, u fi ħdan il-limiti tal-QFP, il-Kummissjoni tipproponi baġit annwali li jiġi (emendat u) adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
L-akbar oqsma ta' nfiq fil-baġit tal-UE huma l-infiq li jkopri r-riżorsi naturali (40 % tal-pagamenti bbaġitjati fl-2015), il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (36 %) u l-kompetittività għat-tkabbir (11 %).
Minn fejn jiġu l-flus?
L-UE għandha r-riżorsi proprji tagħha. Hija prinċipalment iffinanzjata permezz tad-dazji doganali miġbura fil-fruntieri kummerċjali tal-blokk u mill-kontribwenti tal-UE (permezz tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri kkalkulati fuq il-bażi tal-ING relattiv u fuq id-dħul nazzjonali mill-VAT).
Min jimmaniġġja l-flus?
Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit annwali. Għall-maġġoranza tal-fondi, il-ġestjoni tiġi kondiviża mal-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri. Fi tmiem kull sena, il-Kummissjoni tħejji kontijiet annwali biex tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-baġit.
Min jissorvelja l-ġestjoni tal-flus?
Għall-ġestjoni tal-fondi, il-Kummissjoni għandha obbligu ta' rendikont lejn il-Parlament Ewropew, ir-rappreżentant taċ-ċittadini tal-UE. Ibbażat fuq il-kontijiet annwali tal-UE, il-Parlament Ewropew jiskrutina l-implimentazzjoni u jagħti kwittanza lill-Kummissjoni. Element importanti għall-kwittanza huwa r-Rapport Annwali tal-QEA, li jipprovdi opinjoni tal-awditjar dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-UE u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati.
Xi flus jiġu awditjati mill-QEA?
Kull sena, il-QEA tawditja d-dħul u l-infiq tal-baġit tal-UE u tipprovdi opinjoni dwar il-punt sa fejn il-kontijiet annwali huma affidabbli, u sa fejn it-tranżazzjonijiet tal-introjtu u tal-infiq jikkonformaw mar-regoli u r-regolamenti applikabbli. Il-QEA twettaq ukoll awditi tal-prestazzjoni ta' oqsma baġitarji speċifiċi jew suġġetti dwar il-ġestjoni.
Links relatati