L-Unjoni Ewropea hija impenjata favur il-ħarsien tal-ambjent fid-dinja kollha, u dan l-impenn jinkludi l-politika ambjentali fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħha. Bħala istituzzjoni tal-UE, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) għandha d-dmir li tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli billi tapplika l-prinċipji ta' ġestjoni ambjentali tajba fix-xogħol tagħha ta' kuljum.
Politika ambjentali
Fit-28 ta' Novembru 2014, il-QEA adottat politika ambjentali u b'hekk ifformalizzat il-parteċipazzjoni tagħha f'inizjattiva ta' ġestjoni ambjentali ta' kwalità għolja. Permezz ta' din il-politika, il-QEA timpenja lilha nfisha li:
- tintroduċi miżuri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju;
- tippromwovi l-użu effiċjenti tal-enerġija u tieħu passi biex tnaqqas il-konsum tagħha tal-elettriku, tal-ilma u tal-karti;
- tinkludi kriterji ambjentali fil-proċeduri tagħha ta' akkwist pubbliku;
- tapplika l-aħjar prattiki fil-ġestjoni tal-iskart;
- tħeġġeġ lill-persunal kollu biex jaġixxi b'mod sostenibbli u biex jikkontribwixxi b'mod attiv għall-ilħuq tal-objettivi ta' din il-politika.
Standard ambjentali ISO 14001:2015
Il-QEA tikkonforma mar-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni tal-istandard tal-kwalità li sar qbil dwaru fuq livell internazzjonali ISO 14001:2015 (Sistema ta' ġestjoni ambjentali) u għandha ċ-ċertifikazzjoni uffiċjali ISO 14001.
Skema ta' Ġestjoni u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS)
Aħna nieħdu sehem fl-Iskema ta' Ġestjoni u Awditjar Ekoloġiċi (EMAS), li hija għodda ta' ġestjoni għall-evalwazzjoni, ir-rappurtar dwar, u t-titjib fil-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjonijiet. Ksibna r-reġistrazzjoni tal-EMAS f'Marzu 2017, u noperaw b'suċċess f'sistema ta' ġestjoni ambjentali f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1221/2009 tal-EMAS, kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/1505, u mal-ISO 14001.
Għal aktar informazzjoni, nitolbuk tara d-dikjarazzjoni ambjentali tal-QEA, ivvalidata minn verifikatur akkreditat, li fiha nippreżentaw ir-riżultati tal-prestazzjoni ambjentali tagħna u l-pjanijiet futuri għal titjib.
Rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-impronta tal-karbonju
Fl-2014, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri stabbiliet l-ewwel bilanċ tal-karbonju tagħha li l-iskop tiegħu huwa li jkejjel l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet tagħha, bil-ħsieb li tnaqqas b’mod sistematiku l-emissjonijiet tas-CO2 tagħha.
Dan il-bilanċ, li jiġi rivalutat u ppubblikat kull sena, għandu l-għan li jimmonitorja l-azzjonijiet li jittieħdu mill-Istituzzjoni tagħna biex tnaqqas l-impronta tal-karbonju tagħha.
Bħalissa l-Qorti qed tiżviluppa pjan direzzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet sal-2030, bil-ħsieb li tikkonforma mal-objettivi stabbiliti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Links relatati: