Ir-“Regolamentazzjoni Aħjar” hija sett ta’ prinċipji u għodod li l-Kummissjoni tuża biex tiżviluppa l-politiki tagħha u tħejji l-proposti leġiżlattivi tagħha. Skont rapport analitiku ġdid li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, din kienet karatteristika ewlenija tat-tfassil tal-politiki tal-UE għal kważi 20 sena u hija waħda mis-sistemi l-aktar avvanzati fil-livell internazzjonali. Madankollu, jista’ jsir aktar biex iċ-ċittadini u l-partijiet interessati l-oħra jiġu kkonsultati, biex titjieb il-bażi ta’ evidenza għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, u biex jiġu promossi, immonitorjati u infurzati l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE.
Il-korp ta’ leġiżlazzjonijiet tal-UE qed jiġi żviluppat b’mod kostanti hekk kif il-liġijiet jiġu adottati, emendati, imħassra jew jiskadu. Il-Kummissjoni tipproponi l-leġiżlazzjoni u għandha rwol ewlieni f’dak li jirrigwarda l-monitoraġġ tal-applikazzjoni tagħha u l-evalwazzjoni tar-riżultati tagħha.
L-approċċ ta’ Regolamentazzjoni Aħjar għandu l-għan li jiżgura li t-teħid ta’ deċiżjonijiet ikun miftuħ u trasparenti, li ċ-ċittadini u l-partijiet interessati jistgħu jikkontribwixxu matul il-proċess kollu tat-tfassil tal-politiki u tal-liġijiet, li l-azzjonijiet tal-UE jiġu bbażati fuq evidenza u fehim tal-impatti probabbli, u li l-piżijiet regolatorji fuq in-negozji, iċ-ċittadini u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jinżammu f’livell minimu. Il-Kummissjoni ilha tapplika l-prinċipji ta’ Regolamentazzjoni Aħjar għal kważi 20 sena. Skont studju reċenti tal-OECD, il-Kummissjoni stabbiliet waħda mis-sistemi ta’ Regolamentazzjoni Aħjar l-aktar avvanzati fid-dinja.
“L-għan tar-Regolamentazzjoni Aħjar huwa li tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun soda, ibbażata fuq l-evidenza, f’waqtha, trasparenti u tippromwovi l-obbligu ta’ rendikont”, jgħid Pietro Russo, il-Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri responsabbli għar-rapport analitiku. “Permezz ta’ dan ir-rapport analitiku, aħna għandna l-għan li nikkontribwixxu għad-dibattitu pubbliku dwar il-mod kif il-funzjonament tal-UE jista’ jitjieb. Billi l-ħtieġa għal politika bbażata fuq l-evidenza qiegħda biss tiżdied dejjem aktar, ir-Regolamentazzjoni Aħjar trid tibqa’ fil-qalba tat-tfassil tal-liġijiet tal-UE, għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji tagħna.”