Il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM) huwa s-sistema tal-UE għall-istralċ ordnat ta’ banek li jkunu qed ifallu fi ħdan l-Unjoni Bankarja, biex jiġu evitati salvataġġi finanzjarji li jqumu ħafna flus. Skont rapport ġdid li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), l-SRM għamel progress fit-tħejjija għar-riżoluzzjoni tal-banek minn meta ġiet stabbilit fl-2015. Madankollu, l-awdituri jsibu li huma meħtieġa passi ulterjuri f’ċerti oqsma kruċjali. Jenħtieġ li l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) jistabbilixxi l-politiki rilevanti kollha li jsawru l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni, u jindirizza dgħufijiet fil-kwalità, fit-twaqqit u fil-konsistenza tal-ippjanar proprju tiegħu għar-riżoluzzjonijiet. Il-leġiżlaturi jeħtieġu jirriżolvu kwistjonijiet essenzjali oħra, bħall-finanzjament fir-riżoluzzjoni u l-armonizzazzjoni ta’ proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza għall-banek.
Il-qafas legali tal-SRM jipprovdi għodod għall-istralċ tal-banek, ladarba l-awtorità ta’ riżoluzzjoni - l-SRB fil-każ ta’ banek sinifikanti u transfruntieri, u l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali (ARN) f’dak ta’ banek inqas sinifikanti fil-ġuriżdizzjonijiet rispettivi tagħhom - tkun iddeċidiet li bank li jkun qed ifalli ma jistax jgħaddi minn proċedimenti normali ta' insolvenza skont il-liġi nazzjonali. Biex ikunu ppreparati għal eventwalità bħal din, l-awtoritajiet huma meħtieġa li jabbozzaw pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għal kull bank u, bħala regola ġenerali, jaġġornawhom kull sena.
“L-SRM għamel progress matul dawn l-aħħar snin iżda huma meħtieġa passi ulterjuri biex jiġi ppjanat b’mod xieraq l-istralċ ordnat tal-banek li jkunu qed ifallu”, qal Rimantas Šadžius, il-Membru tal-QEA responsabbli għar-rapport. “Aħna sibna li l-politiki kienu għadhom mhumiex qed jindirizzaw l-oqsma rilevanti kollha u lanqas ma kienu qed jiżvelaw dgħufijiet. Il-kwalità tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tjiebet iżda dawn mhux dejjem kienu f’konformità mar-rekwiżiti. Barra dan, l-SRB ma identifikax u ma ttrattax b’mod xieraq l-ostakli għar-riżolvibbiltà ta’ bank. Ir-rimedjar ta’ dawn in-nuqqasijiet ikun jgħin jiżgura li l-kontribwenti ma jerġgħux iġarrbu l-ispejjeż”.