Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) nediet awditu biex tivvaluta jekk il-Kummissjoni Ewropea kinitx qed tissalvagwardja b’mod effettiv id-drittijiet taċ-ċittadini li vvjaġġaw bl-ajru jew li pprenotaw titjiriet matul il-kriżi tal-coronavirus. L-awdituri se jeżaminaw jekk ir-regoli attwali dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru humiex adatti għall-iskop u reżiljenti biżżejjed biex jindirizzaw kriżi bħal din. Huma se jivverifikaw jekk il-Kummissjoni mmonitorjatx li d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru ġew irrispettati matul il-pandemija u jekk ħaditx azzjoni kif meħtieġ. Barra minn hekk, huma se jivvalutaw jekk l-Istati Membri ħadux inkunsiderazzjoni d-drittijiet tal-passiġġieri meta taw għajnuna mill-Istat għall-emerġenzi lill-industrija tal-ivvjaġġar u tat-trasport.
“Fiż-żminijiet tal-COVID-19, l-UE u l-Istati Membri kellhom isibu bilanċ bejn il-preservazzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u jagħtu appoġġ lil-linji tal-ajru f’diffikultà,” qalet Annemie Turtelboom,il-Membru tal-QEA li qed tmexxi l-awditu. “L-awditu tagħna se jivverifika li d-drittijiet ta’ miljuni ta’ passiġġieri tal-ajru fl-UE ma kinux danni kollaterali fil-ġlieda biex jiġu salvati l-linji tal-ajru li qed jiffaċċjaw diffikultajiet.”