Skont rapport ġdid li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), il-kontrolli doganali għadhom mhumiex armonizzati suffiċjentement fl-Istati Membri biex jissalvagwardjaw b’mod xieraq l-interessi finanzjarji tal-UE. Minkejja passi reċenti fid-direzzjoni t-tajba, ir-regoli tal-UE mhumiex imfassla tajjeb biżżejjed biex jiżguraw li l-Istati Membri jagħżlu l-importazzjonijiet għall-kontroll b’mod uniformi. Fil-fatt, huma japplikaw ir-regoli b’modi differenti ħafna, li jista’ jippermetti lill-operaturi li jimmiraw punti ta’ dħul tal-UE b’inqas kontrolli. L-awdituri jwissu wkoll li xi Stati Membri ma jwettqux l-analiżi tar-riskju meħtieġa fuq id-dikjarazzjonijiet kollha, u li l-importazzjonijiet li jippreżentaw livell ogħla ta’ riskju jistgħu ma jiġux ipprijoritizzati b’mod xieraq għall-kontroll.
“Biex jipprevienu lill-importaturi frodulenti milli jevitaw id-dazji doganali billi jimmiraw punti ta’ dħul fil-fruntieri b’inqas kontrolli doganali, il-proċeduri tal-għażla għall-kontroll iridu jiġu applikati b’mod uniformi fl-Unjoni Doganali kollha,” qal Jan Gregor, il-Membru tal-QEA responsabbli mir-rapport. “Attwalment, il-kontrolli doganali tal-UE mhumiex armonizzati tajjeb, element li jfixkel l-interessi finanzjarji tal-UE”.