L-azzjoni tal-UE ftit kellha impatt fl-avvanzar ta’ riformi fundamentali tal-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent, skont rapport speċjali ppubblikat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA). Fir-reġjun seħħew xi riformi tekniċi u operazzjonali. Iżda, l-awdituri jgħidu li, fil-kuntest ta’ rieda politika insuffiċjenti u nuqqas ta’ involviment, l-appoġġ mogħti mill-UE kien fil-biċċa l-kbira insuffiċjenti biex jindirizza l-problemi persistenti f'oqsma bħall-indipendenza tal-ġudikatura, il-konċentrazzjoni tal-poter, l-interferenza politika, u l-korruzzjoni.
L-Albanija, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro u s-Serbja huma kandidati, u l-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kosovo huma kandidati potenzjali għas-sħubija fl-UE. Madankollu, kollha kemm huma jkomplu jiffaċċjaw kwistjonijiet li jikkonċernaw l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. Għal aktar minn żewġ deċennji, l-UE ilha tistinka biex tgħinhom fl-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ riforma tagħhom. L-assistenza hija mibnija madwar żewġ flussi ta’ azzjoni interkonnessi: appoġġ finanzjarju (li jammonta għal madwar EUR 700 miljun bejn l-2014 u l-2020) u d-djalogu politiku. Ir-rapport tal-QEA jfittex li jiddetermina jekk din l-azzjoni tissodisfax dan il-kompitu.
Il-prijoritajiet tal-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent huma ċari u ġeneralment ikkonkretizzati f’azzjoni speċifika taħt l-istrument ta’ qabel l-adeżjoni. Madankollu, l-awdituri jikkonkludu li r-riskji ewlenin għall-impatt sostenibbli tal-azzjoni tagħhom għadhom mhux suffiċjentement mitigati. Il-miżuri biex tiġi indirizzata l-kapaċità amministrattiva dgħajfa u r-rieda politika – li t-tnejn huma essenzjali – huma ftit wisq u ħafna drabi mhux effettivi. Barra minn hekk, l-awdituri jindikaw l-applikazzjoni inkonsistenti tal-prekundizzjonijiet għall-finanzjament u l-implimentazzjoni tal-proġetti. B’mod simili, l-UE rarament sfruttat il-possibbiltà li tiġi sospiża l-assistenza jekk benefiċjarju jonqos milli josserva l-prinċipji bażiċi tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Fl-aħħar nett, l-awdituri josservaw li l-appoġġ mogħti mill-UE għas-soċjetà ċivili mhuwiex suffiċjenti biex jaqdi l-ħtiġijiet tas-settur u huwa bbażat l-aktar fuq proġetti fuq terminu qasir.
“Jidher ċar li l-appoġġ mogħti mill-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent ma rnexxilux iwassal għal bidla kumplessiva”, qal Juhan Parts, il-membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri responsabbli għar-rapport. “Il-progress modest li sar matul l-aħħar 20 sena jhedded is-sostenibbiltà kumplessiva tal-appoġġ mogħti mill-UE, ipprovdut taħt il-proċess ta’ adeżjoni. Riformi kostanti jitilfu l-kredibbiltà jekk ma jwasslux għal riżultati tanġibbli.”