Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri qed tniedi awditu biex tiskopri jekk il-Kummissjoni Ewropea żviluppatx, b’mod effettiv, katina tal-valur globalment kompetittiva u sostenibbli għall-batteriji fl-UE, u jekk il-proġetti appoġġati fl-Istati Membri mmassimizzawx l-impatt tal-finanzjament
mill-UE. L-awditu qed jitwettaq fil-kuntest ta’ żieda rapida fil-produzzjoni Ewropea tal-batteriji li hija mistennija sal-2025, u li l-UE ssir it-tieni l-akbar produttur tal-batteriji fid-dinja wara ċ-Ċina. Fil-previżjoni tal-lum, l-awdituri josservaw li żieda fil-produzzjoni sostenibbli tal-batteriji fl-UE mhux biss se tiffaċilita t-tranżizzjoni tal-UE lejn enerġija nadifa, iżda se tkun ukoll kruċjali għall-kompetittività tal-industrija tal-karozzi tagħha u biex tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq fornituri barranin tal-batteriji. L-UE se tiffaċċja wkoll kompitu ta’ importanza kruċjali biex tiżgura
l-materja prima.
“Il-batteriji huma rilevanti ħafna għar-rwol tal-Ewropa bħala attur industrijali ewlieni u bħala mexxej fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, kif ukoll għall-awtonomija strateġika tagħha,” qalet Annemie Turtelboom, il-Membru tal-QEA li se tmexxi l-awditu. “Se nivvalutaw jekk l-azzjoni tal-UE hijiex qed tippromwovi boom tal-batteriji fl-Ewropa u hijiex qed tikkontribwixxi għal katina tal-valur kompetittiva u sostenibbli.”