Skont rapport ġdid li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kummissjoni Ewropea identifikat l-ostakli prinċipali għall-internazzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) tal-UE u stabbiliet ħafna miżuri biex tgħinhom jespandu n-negozju tagħhom fis-swieq internazzjonali, kemm fi ħdan u lil hinn mill-UE. Madankollu, dawn il-miżuri kultant ikollhom nuqqas ta’ koerenza u viżibbiltà, u l-Kummissjoni mhux dejjem tikkoordinahom tajjeb biżżejjed mal-programmi tal-Istati Membri stess. L-inizjattiva ewlenija tal-Kummissjoni, jiġifieri n-Network Enterprise Europe (EEN), li tipprovdi network ta’ appoġġ għal SMEs b’ambizzjonijiet internazzjonali, teħtieġ kopertura aħjar fil-pajjiżi mhux tal-UE, filwaqt li inizjattiva oħra iżgħar li tiffoka speċifikament fuq negozji ġodda ta’ teknoloġija avvanzata – StartUp Europe – teħtieġ aktar kontinwità fuq terminu twil fl-attivitajiet tagħha.
L-SMEs – negozji li jimpjegaw inqas minn 250 ħaddiem – huma s-sinsla tal-ekonomija tal-UE: jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha fl-UE. Barra mis-settur finanzjarju, huma jipprovdu żewġ terzi tal-impjiegi fin-negozju, u jiġġeneraw aktar minn nofs il-produzzjoni ekonomika tal-UE. Madankollu, jirrappreżentaw biss 30 % tal-esportazzjonijiet tal-UE. L-SMEs huma inqas attivi fi swieq internazzjonali minn negozji akbar: ta’ spiss ma jkunux konxji tal-kummerċ Internazzjonali u tal-iskemi ta’ appoġġ pubbliku, u ta’ spiss sempliċement ikun jonqoshom l-għarfien espert meħtieġ. Sabiex tindirizza dawn l-isfidi, il-Kummissjoni stabbiliet għadd kbir ta’ programmi ta’ appoġġ. Fl-2011, adottat strateġija tal-UE għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs li kellha l-għan li ttejjeb il-koerenza u l-koordinazzjoni tal-appoġġ eżistenti kollu.
“In-negozji ż-żgħar huma negozju kbir għall-UE. Billi jagħmlu kummerċ fl-Ewropa u jesportaw lil hinn mill-fruntieri tagħha, jistgħu jagħtu kontribuzzjoni saħansitra akbar lill-ekonomija tal-UE,” qalet Ivana Maletić, il-Membru tal-QEA responsabbli għar-rapport. “Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel l-informazzjoni dwar l-appoġġ għall-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs aktar faċilment disponibbli u tqarreb il-programmi tagħha mal-SMEs Ewropej, li għadhom mhux konxji ta’ ħafna mill-istrumenti u proġetti eżistenti.”