F’rapport illum, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri qalet li l-Kummissjoni Ewropea ma ħaditx vantaġġ mill-potenzjal tal-big data għall-analizzar u għat-tfassil sussegwenti tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-UE. Għalkemm il-Kummissjoni żżomm volumi kbar ta’ data li tkun rilevanti għat-tfassil, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-PAK, l-għodod u d-data attwali tagħha ma jipprovdux ċerta informazzjoni essenzjali li hija meħtieġa għat-tfassil ta’ politika infurmata tajjeb fil-livell tal-UE. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni ma għandhiex biżżejjed evidenza biex tivvaluta b’mod komprensiv il-ħtiġijiet u l-impatt tal-PAK.
Il-PAK tirrappreżenta aktar minn terz tal-baġit tal-UE – EUR 408 biljun bejn l-2014 u l-2020 – u tgħin lill-Kummissjoni tappoġġa l-attivitajiet tal-Istati Membri b’objettivi, ta’ spiss relatati ma’ xulxin, li jvarjaw minn żgurar tal-produzzjoni tal-ikel u tisħiħ tal-protezzjoni tal-ambjent sa żamma tal-għajxien tal-bdiewa u żvilupp taż-żoni rurali. Biex tiddetermina jekk l-istrumenti ta’ politika tagħha jindirizzawx dawk l-objettivi b’mod effiċjenti, il-Kummissjoni teħtieġ data minn firxa ta’ sorsi biex tistabbilixxi rabta kawżali bejn miżura tal-PAK u r-riżultati tagħha.
“Id-data hija l-bażi essenzjali ta’ tfassil tajjeb tal-politika, u l-big data qed issir ukoll il-paragun ta’ eċċellenza fl-agrikoltura,” qalet Joëlle Elvinger, il-Membru tal-QEA responsabbli għar-rapport. “Jenħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ l-analitika tad-data tagħha u tagħmel aktar biex tisfrutta l-potenzjal tal-big data għall-analizzar tal-PAK abbażi ta’ evidenza wiesgħa.”