Għad li l-Kummissjoni Ewropea kkompletat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE tagħha biex timmodernizza s-settur pubbliku u trawwem il-Gvern elettroniku – billi tipprovdi servizzi pubbliċi liċ-ċittadini u lin-negozji permezz tal-internet – mhux is-servizzi pubbliċi diġitali kollha li ġew żviluppati reċentement huma disponibbli fl-UE kollha. Dan huwa dovut prinċipalment għal dewmien fl-implimentazzjoni f’xi Stati Membri. Din hija l-konklużjoni ta’ rapport li ġie ppubblikat illum mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Fost affarijiet oħra, l-awdituri jirrakkomandaw li tittieħed azzjoni jekk ikun hemm dewmien fl-ilħuq tal-miri diġitali fil-livell nazzjonali, u li jkomplu jiġu promossi s-servizzi tal-Gvern elettroniku fost l-utenti.
“Is-servizzi pubbliċi diġitali jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fuq iċ-ċittadini u n-negozji billi l-interazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet pubbliċi jagħmluhom aktar mgħaġġla, faċli u inqas għalja,” qalet Ivana Maletić, il-membru tal-QEA li mexxiet l-awditu. “L-azzjonijiet mibdija mill-Kummissjoni, bħall-identifikazzjoni elettronika, il-Gateway Diġitali Unika u l-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali tal-Istati Membri, ma jgħinux biss lill-Istati Membri biex jgħaqqdu s-sistemi tagħhom u jiskambjaw l-informazzjoni, iżda jħeġġuhom ukoll jaċċelleraw il-bidliet u jiddiġitizzaw is-servizzi pubbliċi tagħhom.”