Id-data tal-ING (introjtu nazzjonali gross) hija bażi importanti għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet li l-Istati Membri jagħmlu għall-baġit tal-UE. Skont rapport ġdid li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-verifikazzjoni ta’ din id-data mhijiex iffukata b’mod suffiċjenti. Għalkemm l-Eurostat (l-uffiċċju tal-istatistika tal-UE) kien effettiv b’mod ġenerali biex jidentifika u jindirizza problemi b’riskju għoli għall-kompilazzjoni tad-data tal-ING, huwa ma vverifikax sistematikament problemi b’riskju għoli u pajjiżi fil-kategorija tal-ogħla riskju l-ewwel, u mhux dejjem wettaq dawk il-verifiki kmieni biżżejjed. Pereżempju, l-Eurostat ma rreaġiex fil-pront għall-problema ta’ kumpaniji multinazzjonali li jirrilokaw in-negozji tagħhom għal skopijiet ta’ taxxa.
Il-kontribuzzjonijiet, ibbażati fuq l-ING, tal-pajjiżi tal-UE jikkostitwixxu l-akbar sors ta’ introjtu tal-baġit tal-UE. Fl-2021, dawn ammontaw għal EUR 116-il biljun, madwar żewġ terzi tal-baġit. L-Eurostat jivverifika l-kwalità tad-data tal-ING tal-pajjiżi tal-UE f’ċikli pluriennali, u jista’ jitlobhom jaġġustaw l-istimi inizjali tagħhom – li huma l-bażi għall-kalkolu li l-Kummissjoni tagħmel tal-kontribuzzjonijiet tagħhom – ’il fuq jew ’l isfel. L-awdituri vverifikaw jekk l-Eurostat immaniġġjax sew il-verifikazzjonijiet tiegħu matul iċ-ċiklu l-aktar reċenti 2016-2019.
“Huwa importanti li jiġi żgurat li l-kontribuzzjonijiet, ibbażati fuq l-ING, tal-pajjiżi tal-UE għall-baġit tal-UE jkunu ġusti u prevedibbli,” qal Marek Opioła, il-Membru tal-QEA li mexxa l-awditu. “Biex il-verifikazzjonijiet ikunu effettivi u effiċjenti, jenħtieġ li problemi trasversali u pajjiżi bl-ogħla fattur ta’ riskju jkunu fil-korsija ta’ prijorità tal-Eurostat għall-verifiki.”