L-UE adattat malajr ir-regoli tagħha biex tipprovdi flessibbiltà akbar lill-Istati Membri fl-użu tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Hija introduċiet ukoll riżorsi ġodda sinifikanti biex tiffinanzja investimenti addizjonali. Skont rapport ġdid li nħareġ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, dawn il-miżuri iżda żiedu wkoll mal-pressjoni biex flus l-UE jintefqu malajr u sew. L-awdituri josservaw li l-użu ripetut tal-politika ta’ koeżjoni biex jiġu indirizzati l-kriżijiet jista’ wkoll jiddevjaha mill-għan strateġiku primarju tagħha li tnaqqas id-disparitajiet fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni.
Mill-bidu tal-2020, l-UE ħadet firxa wiesgħa ta' azzjonijiet biex tindirizza l-isfidi li rriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19. Il-politika ta' koeżjoni għamlet il-parti tagħha, b'reazzjoni malajr u maqsuma fi tliet stadji li emendat ir-regoli tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. F’inqas minn xahrejn wara t-tifqigħa tal-pandemija fl-Ewropa, l-UE adottat miżuri leġiżlattivi biex timmobilizza l-fondi li ma ntefqux permezz tal-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII) u l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus Plus (CRII+). F’inqas minn sena, hija adottat l-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU), biex isservi bħala strument fuq terminu qasir u medju għal azzjonijiet ta’ tiswija u rkupru mill-kriżi.
“Ir-reazzjoni tal-UE ffaċilitat l-użu tal-fondi ta’ Koeżjoni biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jiffaċċjaw id-diffikultà ekonomika relatata mal-COVID-19, minkejja li konsegwentement xi sfidi eżistenti jistgħu jaggravaw”, qalet Iliana Ivanova, il-Membru tal-QEA li mexxiet l-awditu. “Fi kwalunkwe każ, xorta waħda jeħtieġ li nivvalutaw b’reqqa kbira jekk il-politika ta’ koeżjoni tal-UE hijiex l-għodda baġitarja t-tajba għar-reazzjoni għall-kriżijiet”.