Politika tal-komunikazzjoni
Billi tikkomunika r-riżultati u
r-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar tagħha, il-QEA tgħin biex iżżid
is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar kwistjonijiet ta' ġestjoni finanzjarja
u ta' obbligu ta' rendikont tal-UE u dwar l-importanza li l-fondi tal-UE
jintużaw b'mod ekonomiku, effiċjenti u effettiv u f'konformità mar-regoli.
Il-komunikazzjonijiet tal-QEA jgħinu biex jipproteġu l-interessi finanzjarji
taċ-ċittadini tal-UE permezz tat-trasparenza li huma jipprovdu. Il-mira
aħħarija hija l-promozzjoni ta' fiduċja fil-funzjonament tajjeb tal-UE u
tal-istituzzjonijiet tagħha.
Il-valur tal-kontribut tal-QEA għall-obbligu
ta' rendikont tal-UE jiddependi – fil-biċċa l-kbira – fuq l-użu li jsir minn
xogħolha u mill-prodotti tagħha mis-sħab prinċipali tagħha fil-proċess
tal-obbligu ta’ rendikont, bħal:
l-awtoritajiet politiċi responsabbli għas-sorveljanza pubblika tal-użu tal-fondi tal-UE, jiġifieri l-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-UE u l-parlamenti nazzjonali;
il-partijiet awditjati responsabbli milli jirċievu u jimmaniġġjaw il-fondi tal-UE, jiġifieri l-Kummissjoni Ewropea, istituzzjonijiet, aġenziji u korpi deċentralizzati oħra tal-UE, u awtoritajiet nazzjonali;
awdituri oħra ta' fondi tal-UE, inklużi l-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Istati
Membri.
Prinċipji tal-komunikazzjoni
Bħala l-awditur
estern tal-UE, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tapplika l-prinċipji ta' ċarezza u ta' trasparenza, u tipprovdi informazzjoni aċċessibbli u f'waqtha dwar ir-rwol u x-xogħol tagħha, u dwar ir-riżultati li tikseb.
Il-komunikazzjonijiet tal-QEA jgħinu biex jiġi żgurat li r-riżultati tax-xogħol tagħha jkunu magħrufa u mifhuma, u jiddimostraw kif il-QEA qed tilħaq l-objettiv tagħha li tikkontribwixxi għal ġestjoni finanzjarja aħjar.
Sabiex tiġi protetta r-relazzjoni professjonali bejn l-awditur u l-parti awditjata, u f'konformità mal-istandards internazzjonali tal-awditjar u mar-rekwiżiti legali, hija biss l-informazzjoni li tinsab fir-rapporti ppubblikati tagħha li titqiegħed fid-dominju pubbliku. Fejn meħtieġ, il-QEA tipprovdi informazzjoni dwar il-kuntest u dwar l-isfond biex tgħin lill-qarrejja jifhmu aħjar is-sejbiet tagħha.
Il-QEA torganizza konferenzi stampa għar-rapport annwali u, fuq bażi selettiva, għal rapporti speċjali, opinjonijiet u kwistjonijiet oħra. Jinħarġu stqarrijiet għall-istampa għar-rapporti ppubblikati kollha u għall-kwistjonijiet speċifiċi ta' interess kollha tal-QEA, u dawn huma disponibbli fuq www.eca.europa.eu.
Il-President jirrappreżenta lill-QEA u jitkellem f'isimha dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-politiki, l-iskop u l-valuri tagħha, kif ukoll dwar ir-rapporti annwali. Il-President u l-Membri huma appoġġati f'dan ir-rwol mill-kelliem uffiċjali tal-QEA. Fil-każ tar-rapporti speċjali jew ta' suġġetti speċifiċi, il-Membri inkarigati mir-rappurtar, jew persuni nnominati minnhom, jitkellmu f'isem il-QEA.
Il-QEA tikkomunika onlajn u permezz ta' rapporti tal-awditjar u ta' pubblikazzjonijiet u avvenimenti oħra u permezz tal-istampa u l-midja. Ir-rapporti u l-opinjonijiet tal-awditjar kollha tagħha huma disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE fuq il-websajt tagħha www.eca.europa.eu u permezz tal-EU
Bookshop. Il-websajt tal-QEA hija l-pjattaforma prinċipali ta' informazzjoni
tagħha.
Dritt ta' aċċess għal dokumenti
Il-kundizzjonijiet, il-limiti u
l-proċeduri applikabbli għal aċċess mill-pubbliku għal dokumenti tal-Qorti
Ewropea tal-Awdituri huma rregolati mid-Deċiżjoni Nru 12-2005 tal-10 ta' Marzu
2005, kif emendata bid-Deċiżjoni 14-2009, adottata mill-Qorti fil-laqgħa tagħha
tal-5 ta' Frar 2009.
Politika lingwistika
Il-QEA tfassal rapporti
tal-awditjar u toħroġ opinjonijiet dwar l-oqsma kollha ta’ attività tal-Unjoni
Ewropea. Meta jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, dawn id-dokumenti għandhom ikunu disponibbli
fil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Il-QEA tippubblika r-rapporti kollha tagħha u
prodotti oħra fuq il-websajt multilingwi tagħha, sabiex
iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jaqrawhom fil-lingwa proprja tagħhom. Għal
raġunijiet ta’ effiċjenza, aħbarijiet dwar il-prodotti u l-avvenimenti tagħna,
kif ukoll informazzjoni għall-istampa, huma ppreżentati fuq il-websajt tagħna
bl-Ingliż. Madankollu, kull meta jkun possibbli, il-QEA tagħtihom ukoll
fil-lingwi ta' pubblikazzjoni. Il-komunikazzjonijiet fuq il-midja soċjali
tagħna huma fil-biċċa l-kbira bl-Ingliż.
Links relatati: