Il-QEA tiċċekkja l-infiq fuq politiki u programmi fl-oqsma kollha tal-baġit tal-UE. Aħna nawditjaw ukoll il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, li huma ffinanzjati direttament mill-Istati Membri.
Il-baġit annwali annwali tal-UE jintnefaq fuq firxa wiesgħa ta' oqsma. Isiru pagamenti għall-appoġġ ta' attivitajiet varjati, minn biedja u żvilupp ta' żoni rurali u urbani, proġetti ta' infrastruttura tat-trasport, riċerka, taħriġ għal persuni qiegħda, sa appoġġ lil pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fl-UE, jew għajnuna lil pajjiżi tal-viċinat jew pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp.
Il-FEŻ jipprovdu assistenza mill-Unjoni Ewropea għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u lill-pajjiżi u territorji extra-Ewropej (OCTs). L-infiq taħt il-FEŻ u l-istrumenti ta' kooperazzjoni għandhom l-għan li jegħlbu l-faqar, u li jippromwovu l-iżvilupp sostenbbli u l-integrazzjoni tal-pajjiżi AKP u l-OCTs fl-ekonomija dinjija.
Tkabbir Intelliġenti u Inklużiv
• Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi
L-infiq f'dan il-qasam huwa mmirat lejn it-titjib tar-riċerka u l-innovazzjoni, it-tisħiħ tas-sistemi ta' edukazzjoni u l-promozzjoni tal-impjiegi, l-iżgurar ta' suq uniku diġitali, il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza fl-enerġija, il-modernizzazzjoni tas-settur tat-trasport u t-titjib tal-ambjent kummerċjali, speċjalment għal intrapriżi żgħar u medji (SMEs).
Il-maġġoranza tal-infiq huwa fil-forma ta' għotjiet lil benefiċjarji privati u pubbliċi, bil-Kummissjoni tirrimborża l-ispejjeż iddikjarati mill-benefiċjarji fid-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż tal-proġetti.
• Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali
Il-politika reġjonali u urbana tirrappreżenta madwar 80 % tat-total f'dan il-qasam ta' nfiq u fil-biċċa l-kbira tiġi implimentata permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK). Hija għandha l-għan li tgħin lill-pajjiżi tal-UE l-inqas żviluppati biex ilaħħqu mal-oħrajn, issaħħaħ il-kompetittività tar-reġjuni kollha u tiżviluppa l-kooperazzjoni interreġjonali. Il-fondi jintużaw biex jiffinanzjaw investimenti fl-infrastruttura, il-ħolqien jew il-preservazzjoni ta' impjiegi, inizjattivi ta' żvilupp ekonomiku jew reġjonali u attivitajiet li jappoġġaw intrapriżi żgħar u medji.
Il-politika tal-impjiegi u l-affarijiet soċjali tkopri l-20 % li jifdal ta' dan il-qasam ta' nfiq. Hija tiġi ffinanzjata prinċipalment mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE). L-infiq jinkludi investimenti fil-kapital uman permezz ta' taħriġ u ta' miżuri oħra dwar impjiegi.
Il-ġestjoni tal-infiq tiġi kondiviża mal-Istati Membri u tinvolvi l-kofinanzjament ta' proġetti fi ħdan programmi ta' nfiq approvati.
Tkabbir Sostenibbli: Riżorsi Naturali
Dan il-qasam ta' nfiq ikopri l-politika agrikola komuni (PAK), il-politika komuni tas-sajd (PKS), u l-iżvilupp rurali u l-miżuri ambjentali.
Il-PAK għandha l-għan li żżid il-produttività agrikola, tiżgura standard tal-għajxien ġust għall-komunità agrikola, tistabbilizza s-swieq, taċċerta d-disponibbiltà tal-fornimenti u tiżgura li l-fornimenti jaslu għand il-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli. Hija tiġi implimentata permezz ta' żewġ fondi: il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) li jiffinanzja bis-sħiħ l-għajnuna diretta u l-miżuri tas-suq tal-UE, u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) li jikkofinanzja programmi tal-iżvilupp rurali flimkien mal-Istati Membri. Il-ġestjoni tal-infiq taħt il-PAK tiġi kondiviża mal-Istati Membri. L-infiq taħt iż-żewġ fondi jitwassal permezz ta' madwar 80 aġenzija tal-pagamenti li huma responsabbli biex jiċċekkjaw l-eliġibbiltà tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u biex jagħmlu pagamenti lill-benefiċjarji.
Il-PKS għandu objettivi simili għal dawk tal-PAK u l-għodda prinċipali għall-implimentazzjoni hija l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FES). Il-fond jiġi mmaniġġjat mill-Kummissjoni u l-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża.
Il-politika tal-UE dwar l-ambjent għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ambjentali, il-ħajja taċ-ċittadini, u għall-utilizzazzjoni razzjonali tar-riżorsi naturali. L-infiq f'dan il-qasam jiġi mmaniġġjat ċentralment mill-Kummissjoni. Il-programm għall-ambjent (LIFE) huwa l-aktar importanti. Huwa jikkofinanzja proġetti relatati man-natura, il-bijodiversità, il-politika ambjentali u l-governanza, informazzjoni u komunikazzjoni.
Sigurtà u ċittadinanza
Il-komponenti prinċipali ta' dan il-qasam ta' nfiq huma l-ġustizzja u l-affarijiet interni, il-protezzjoni tal-fruntieri, il-politika dwar l-immigrazzjoni u l-asil, is-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-kultura, iż-żgħażagħ, l-informazzjoni u d-djalogu maċ-ċittadini.
Ewropa Globali
Dan il-qasam ta' nfiq ikopri l-infiq fil-qasam tal-politika barranija, l-appoġġ lil pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE, kif ukoll l-assistenza għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja għal pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u pajjiżi tal-viċinat (bl-eċċezzjoni tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp).
L-infiq jitqassam madwar aktar minn 150 pajjiż, bl-użu ta' firxa wiesgħa ta' strumenti ta' kooperazzjoni u metodi ta' twassil. L-infiq jiġi implimentat direttament mid-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni, jew mill-kwartieri ġenerali tagħhom fi Brussell, mid-delegazzjonijiet tal-UE f'pajjiżi riċevituri, jew inkella b'mod konġunt ma' organizzazzjonijiet internazzjonali.
Amministrazzjoni
Dan il-qasam ta' nfiq ikopri l-infiq amministrattiv tal-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE. L-infiq fuq ir-riżorsi umani (salarji, allowances u pensjonijiet), jirrappreżenta madwar 60 % tat-total. L-infiq fuq il-binjiet, it-tagħmir, l-enerġija, il-komunikazzjonijiet u t-teknoloġija tal-informatika jkopri l-bqija. Ir-riżultati tal-awditi tagħna tal-aġenziji u l-korpi deċentralizzati l-oħra tal-Unjoni Ewropea jiġu rrappurtati f'rapporti annwali speċifiċi, li jiġu ppubblikati separatament, flimkien ma' sommarju tar-riżultati.
Kumpens
Dawn huma pagamenti temporanji mfasslin biex jiżguraw li l-Kroazja, li ssieħbet fl-UE f'Lulju 2013, ma tikkontribwixxix aktar għall-baġit tal-UE milli tibbenefika minnu fl-ewwel sena wara l-adeżjoni tagħha.