Il-QEA topera bħala korp kolleġġjali ta’ 27 Membru, wieħed minn kull Stat Membru. Il-Membri jinħatru mill-Kunsill wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew għal mandat ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded. Il-Membri jagħżlu wieħed minn fosthom bħala President għal mandat ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded.
Organizzazzjoni – awli u kumitati
Il-QEA hija organizzata f’ħames awli, li għalihom jiġu assenjati l-Membri u l-persunal inkarigat mill-awditjar. Il-Membri ta' kull awla jeleġġu Dekan għal mandat ta' sentejn li jista' jiġġedded.
Kull awla għandha żewġ oqsma ta' responsabbiltà:
li tadotta rapporti speċjali, rapporti annwali speċifiċi u opinjonijiet; u
li tħejji r-rapporti annwali dwar il-baġit tal-UE u dwar il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp biex dawn jiġu adottati mill-kulleġġ intier tal-Qorti.
Il-kulleġġ intier ta' 27 Membru jiltaqa' madwar darbtejn f'xahar biex jiddiskuti u jadotta dokumenti bħalma huma l-pubblikazzjonijiet annwali prinċipali tal-QEA – ir-rapporti dwar il-baġit ġenerali tal-UE u dwar il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp.
Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar huwa magħmul mill-Membru għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar u minn Membru wieħed minn kull Awla. Dan il-Kumitat jittratta kemm il-politiki, l-istandards u l-metodoloġija tal-awditjar tal-QEA, kif ukoll l-appoġġ u l-iżvilupp tal-awditjar u l-kontroll tal-kwalità tal-awditjar tagħha.
Il-Kumitat Amministrattiv huwa magħmul mid-Dekani tal-awli, il-President tal-QEA, il-Membru għar-Relazzjonijiet Istituzzjonali u l-Membru għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar. Dan il-Kumitat jittratta l-kwistjonijiet amministrattivi kollha kif ukoll id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet relatati ma' komunikazzjoni u strateġija.
Il-President – l-ewwel fost il-pari
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija mmexxija minn President, li jiġi elett mill-Membri stess minn dawk fosthom għal mandat ta' tliet snin li jista' jiġġedded. Ir-rwol tiegħu huwa ta'
primus inter pares – l-ewwel fost il-pari. Huwa jippresiedi l-laqgħat tal-QEA u jiżgura li d-deċiżjonijiet tal-QEA jiġu implimentati u li l-istituzzjoni u l-attivitajiet tagħha jiġu mmaniġġjati tajjeb.
Fl-20 ta’ Settembru 2022, Tony Murphy, il-Membru Irlandiż, ġie elett bħala t-12-il President tal-QEA.
Il-Membri - kulleġġ
Il-Membri tal-QEA, li jiġu nnominati mill-Istati Membri rispettivi tagħhom, jinħatru mill-Kunsill, wara li ssir konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Il-Membri jinħatru għal mandat ta' sitt snin li jista' jiġġedded. Huma meħtieġa li jwettqu d-dmirijiet tagħhom f'indipendenza kompleta u fl-interess ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
Minbarra li jiffurmaw parti mill-kulleġġ tal-Qorti, il-Membri huma assenjati għal waħda mill-ħames awli. Huma jadottaw rapporti u opinjonijiet tal-awditjar u jieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet strateġiċi u amministrattivi usa'. Kull Membru huwa wkoll responsabbli għal kompiti speċifiċi, primarjament fil-qasam tal-awditjar. Ix-xogħol tal-awditjar li jwassal għal rapport jitwettaq mill-persunal tal-QEA li huwa inkarigat mill-awditjar taħt il-koordinazzjoni ta' Membru, li jiġi assistit minn kabinett. Il-Membru jippreżenta r-rapport lill-awla u/jew lill-kulleġġ intier tal-Qorti għall-adozzjoni, u wara lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lil partijiet interessati rilevanti oħra, kif ukoll lill-midja.
Is-Segretarju Ġenerali
Is-Segretarju Ġenerali huwa l-membru bl-ogħla kariga minn fost il-persunal tal-QEA u jinħatar mill-Qorti f’dan ir-rwol għal perjodu ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded. Huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-persunal u l-amministrazzjoni fl-oqsma ta’ riżorsi umani, finanzi u servizzi ġenerali; informazzjoni, ambjent tax-xogħol u innovazzjoni, traduzzjoni, servizzi lingwistiċi u pubblikazzjoni.
Is-Segretarju Ġenerali huwa responsabbli wkoll għas-segretarjat tal-Qorti.
Il-persunal tal-QEA – ir-riżorsa prinċipali tagħna
Il-QEA għandha madwar 900 membru tal-persunal fl-awditjar, it-traduzzjoni u l-amministrazzjoni. Il-persunal inkarigat mill-awditjar għandu firxa wiesgħa ta' kwalifiki u esperjenza professjonali kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat, inklużi l-kontabbiltà, il-ġestjoni finanzjarja, l-awditjar intern u estern, il-liġi u l-ekonomija.
It-tradutturi tal-QEA għal 23 lingwa uffiċjali tal-UE jiżguraw li l-pubblikazzjonijiet tagħna jkunu jistgħu jinqraw miċ-ċittadini tal-UE fil-lingwa li jagħżlu huma. Bħall-istituzzjonijiet l-oħra kollha tal-UE, il-QEA timpjega ċittadini tal-Istati Membri kollha. Bħala uffiċjali pubbliċi tal-UE, il-membri tal-persunal tal-QEA huma suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE.
Il-QEA hija organizzata f'10 direttorati (tal-awditjar u amministrattivi) li min-naħa tagħhom jiffurmaw timijiet flessibbli bbażati fuq il-kompiti sabiex isir l-aħjar użu tar-riżorsi u sabiex jiġu żviluppati kompetenzi xierqa.
Il-QEA għandha politika attiva ta' opportunitajiet ugwali u timpjega għadd kważi ugwali ta' rġiel u nisa.
Il-QEA hija kburija mill-fatt li mill- 1977 'il hawn hija bniet forza tax-xogħol iddedikata, professjonali u ta' esperjenza, li l-għan speċifiku tagħha huwa l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE.
Riforma tal-QEA: tinbidel f'organizzazzjoni bbażata fuq il-kompiti
Abbażi tal-istrateġija tal-QEA għall- 2013-2017, u b'rispons għal osservazzjonijiet li saru mill-Parlament Ewropew dwar ir-rwol tal-QEA fil-ġejjieni, u l-evalwazzjoni internazzjonali 2014 bejn il-pari, tal-awditu tal-prestazzjoni tagħha, il-QEA ddeċidiet li tirriforma l-organizzazzjoni interna tagħha. Ir-riforma kienet ibbażata fuq erba' prinċipji:
- Rispons aġili għal ambjent li qed jinbidel b'mod rapidu
- Immirar flessibbli tar-riżorsi lejn kompiti tal-awditjar prijoritarji
- Twassil ta' prodotti li jkunu f'waqthom
- Komunikazzjoni aħjar tar-rwol u x-xogħol tagħna
Ir-riforma ġiet implimentata b'effett mill-1 ta' Jannar 2016.
Links relatati