No
No

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) se tagħmel disponibbli desktops, laptops, skrins, printers u tagħmir ieħor tal-IT li ma għadux jintuza aktar mill-Qorti, lil organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, lil ċentri tal-komunità lokali jew lil skejjel ibbażati uffiċjalment f'pajjiżi tal-UE.

Il-QEA tistieden lill-partijiet interessati jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom għat-tagħmir imsemmi hawn fuq, skont ir-regoli li jirregolaw id-donazzjoni stabbilita f'din l-istedina.

Donazzjonijiet ta' tagħmir dekummissjonat tal-IT isiru għad-diskrezzjoni tal-QEA u jiġu deċiżi fuq bażi ta' każ b'każ. Kull data u softwer titneħħa mil-laptops u d-desktops kollha qabel ma dawn jingħataw b'donazzjoni minħabba kwistjonijiet ta' kunfidenzjalità u liċenzjar.

Kif tista' tapplika?

  1. L-applikazzjonijiet iridu jsiru permezz tal-formola ta' applikazzjoni online (ara l-links hawn taħt). Jekk jogħġbok innota li l-formola ta' applikazzjoni ikkompletata flimkien ma' ittra ta' motivazzjoni intestata bl-isem u l-indirizz tal-organizzazzjoni li tkun qed titlob it-tagħmir dekummissjonat tal-IT, għandha tintbagħat bil-posta lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri,– 12, rue Alcide De Gasperi – L-1615 Luxembourg - LUXEMBOURG.
  2. Jekk jogħġbok innota li l-formoli ta' applikazzjoni u l-ittri ta' motivazzjoni jiġu aċċettati biss jekk ikunu bl-Ingliż jew bil-Franċiż. L-ittra ta' motivazzjoni għandha tinkludi spjegazzjoni estensiva tal-iskop tat-talba.
  3. L-applikazzjonijiet iridu jkunu ffirmati.

Kriterji ta' Eliġibbilità


  • Biex ikunu eliġibbli, l-applikanti jridu jkunu organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ li topera f'qasam soċjali jew edukattiv, ċentru tal-komunità lokali jew stabbiliment edukattiv pubbliku jew privat mingħajr skop ta' qligħ bħal skola. Partiti politiċi mhumiex eliġibbli biex jirċievu għotja.
  • Applikazzjonijiet f'isem individwi ma jiġux aċċettati. Il-Qorti għandha diskrezzjoni sħiħa biex tivvaluta jekk l-applikanti jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà u tista' tirrifjuta l-applikazzjonijiet.
  • L-iskejjel iridu jkunu liċenzjati mill-awtoritajiet lokali kompetenti. Għaldaqstant, l-applikazzjoni trid tinkludi evidenza li huma jkunu skejjel liċenzjati (eż. reġistrazzjoni fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Ġurnal Uffiċjali tal-Gvern eċċ.). Organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ iridu jipprovdu evidenza li huma jkunu reġistrati fi Stat Membru tal-UE (eż. status legali, reġistrazzjoni ASBL eċċ.).

Risposti għal applikazzjonijiet eliġibbli jingħataw fuq bażi ta' min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel. F'każ li ma jkun hemm ebda tagħmir disponibbli, l-iskola jew l-istituzzjoni tiġi infurmata bil-kitba li t-talba tiġi pproċessata meta t-tagħmir tal-IT isir disponibbli.

Applikanti ammessi

Applikanti ammessi jkunu responsabbli b'mod sħiħ għall-organizzazzjoni u l-ħlas tal-ispiża tat-trasport bil-baħar mill-faċilitajiet tal-QEA f'Kirchberg, il-Lussemburgu, sad-destinazzjoni finali tat-tagħmir tal-IT, jew għall-ġbir tat-tagħmir mill-faċilità tal-QEA f'Kirchberg, fi żmien xahrejn mill-wasla tal-ittra ta' konferma mill-Qorti. Il-QEA ma għandhiex ir-riżorsi biex tħejji u titrasporta t-tagħmir tal-IT.

Fejn parti terza tkun se tiġbor it-tagħmir, l-applikant għandu jinnotifika lill-QEA dwar l-isem u d-dettalji tal-persuna/i li jkunu se jiġbru t-tagħmir, billi jispeċifika d-data u l-ħin tal-ġbir. It-tagħmir jiġi rilaxxat biss mal-iffirmar u l-verifikazzjoni tad-dokumenti.

Meta jirċievu t-tagħmir, l-applikanti ammessi jiġu mitluba jiffirmaw ittra li tiddikjara, fost oħrajn, li l-applikanti:

  • iridu jaċċettaw id-dritt tal-QEA li żżur il-proġett li għalih it-tagħmir tal-IT ikun ingħata b'donazzjoni;
  • iridu jaċċettaw id-dritt tal-QEA li tippubblika dettalji tad-donazzjoni u l-identità u l-lokalità tar-riċevitur fuq is-sit web tagħha;
  • iridu jaċċettaw li l-QEA ma tipprovdi ebda tip ta' appoġġ u garanziji għat-tagħmir mogħti b'donazzjoni;
  • iridu jaqblu li jħallsu kwalunkwe taxxa jew dazju pagabbli għall-importazzjoni tat-tagħmir tal-IT fil-pajjiż destinatarju;
  • għandhom huma stess jagħmlu l-arranġamenti għat-trasport bil-baħar u jħallsu għall-ispejjeż kollha tat-trasport mil-Lussemburgu sad-destinazzjoni finali tat-tagħmir tal-IT; u
  • għandhom jiżguraw li, fi tmiem ħajtu, jiddisponi mit-tagħmir tal-IT b'mod li jirrispetta l-ambjent.

Links relatati