Bil-Kompendji tal-Awditjar tiegħu, il-Kumitat ta' Kuntatt tal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs) tal-UE joħroġ pubblikazzjonijiet għat-tisħiħ tal-komunikazzjoni ta' xogħlijiet tal-awditjar rilevanti lill-partijiet ikkonċernati tiegħu u lill-pubbliku inġenerali.
Il-Kompendju ta' din is-sena huwa ddedikat għaċ-ċibersigurtà, suġġett li kien diġà kritiku għas-soċjetajiet tagħna qabel ma dawn intlaqtu mill-COVID-19. Huwa jipprovdi informazzjoni ġenerali dwar iċ-ċibersigurtà, l-inizjattivi strateġiċi prinċipali u l-bażijiet ġuridiċi rilevanti fl-UE. Dan juri wkoll l-isfidi prinċipali li qed jiffaċċaw l-UE u l-Istati Membri tagħha, bħat-theddid għad-drittijiet taċ-ċittadini individwali tal-UE permezz tal-użu ħażin tad-data personali, ir-riskju għall-istituzzjonijiet li ma jkunux jistgħu jwasslu servizzi pubbliċi essenzjali jew li jiffaċċaw prestazzjoni limitata b'segwitu għal attakki ċibernetiċi.
Il-Kompendju jibbaża fuq ir-riżultati tal-awditi li twettqu minn 13-il SAI.
Il-protezzjoni tas-sistemi tal-informazzjoni u tal-infrastrutturi diġitali kritiċi kontra l-attakki ċibernetiċi saret sfida strateġika li dejjem qed tikber għall-UE u l-Istati Membri tagħha. Il-mistoqsija ma għadhiex jekk l-attakki ċibernetiċi humiex se jseħħu, iżda kif u meta se jseħħu. Dan jikkonċerna lilna lkoll: individwi, negozji u awtoritajiet pubbliċi.
Għaldaqstant, is-SAIs tal-UE u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri ffukaw ix-xogħol tal-awditjar tagħhom fuq iċ-ċibersigurtà, b'fokus partikolari fuq il-protezzjoni tad-data, it-tħejjija tas-sistemi għal attakki ċibernetiċi, kif ukoll il-protezzjoni ta' sistemi essenzjali ta' utilitajiet pubbliċi. Dan għandu jseħħ f'kuntest li fih l-UE għandha l-għan li ssir l-ambjent diġitali l-aktar sikur fid-dinja.
Il-Kompendju tal-Awditjar dwar iċ-ċibersigurtà huwa attwalment disponibbli bl-Ingliż. It-23 verżjoni lingwistika l-oħra tal-UE se jiġu ppubblikati fil-ġimgħat li ġejjin.