Liġi tal-UE dwar il-Cookies
Jekk inti tixtieq iżżur dan is-sit, inti b'dan infurmat, f'konformità ma' Direttiva tal-UE 2009/136/KE, li cookie tiġi attivata meta inti tidħol fis-sistema. Jekk inti m'intix lest li taċċetta dan, tidħolx fis-sit. Il-cookie kkonċernata tintuża biex taħżen il-preferenza tiegħek ta' lingwa iżda ma hija se żżomm l-ebda data personali. Hija tiskadi wara sena.

Aħbarijiet

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Kompendju tal-Awditjar tindirizza l-isfidi relatati mal-pandemija tal-COVID-19, li hija l-kaġun ta’ waħda mill-aktar kriżijiet tas-saħħa ta’ tfixkil li qatt rat id-dinja, b’impatt kbir fuq is-soċjetajiet, l-ekonomiji u l-individwi kullimkien. Il-Kompendju jipprovdi informazzjoni dwar l-impatt tal-pandemija u r-rispons għaliha fuq livell nazzjonali u supranazzjonali, u jipprovdi ħarsa ġenerali lejn ix-xogħol tal-awditjar pertinenti imwettaq u li ġie ppubblikat fl-2020 mill-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-UE (SAIs tal-UE).

Il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat kriżi multidimensjonali li affettwat kważi l-oqsma kollha tal-ħajja pubblika u privata, kemm jekk hi s-saħħa pubblika, l-attività ekonomika, ix-xogħol, l-edukazzjoni jew il-finanzi pubbliċi. L-impatt tal-pandemija fuq l-UE u l-Istati Membri kien sostanzjali, ta’ tfixkil u asimmetriku ħafna. It-twaqqit, il-firxa u n-natura eżatta tagħha, u tar-rispons għaliha, varjaw ħafna madwar l-UE, iżda wkoll reġjonalment u xi kultant anke lokalment, fir-rigward tas-saħħa pubblika, l-attività ekonomika, ix-xogħol, l-edukazzjoni u l-finanzi pubbliċi.

Fil-biċċa l-kbira miż-żoni affettwati b’mod sever mill-pandemija, l-UE għandha biss setgħa limitata biex taġixxi. Dan huwa parzjalment minħabba li l-kompetenza għas-saħħa pubblika mhijiex esklużiva għall-UE, u parzjalment minħabba li ftit kien hemm tħejjija jew kunsens inizjali fost l-Istati Membri dwar rispons komuni. Minħabba n-nuqqas ta’ approċċ ikkoordinat, il-gvernijiet nazzjonali u reġjonali aġixxew b’mod indipendenti meta stabbilew miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ konteniment, meta akkwistaw tagħmir jew meta stabbilew pakketti ta’ rkupru u skemi għaż-żamma tal-impjiegi biex jimmitigaw il-konsegwenzi soċjoekonomiċi. Madankollu, wara bidu diffiċli, jidher li l-UE u l-Istati Membri tejbu l-kooperazzjoni tagħhom biex jimmitigaw l-effetti tal-kriżi.

Is-SAIs tal-UE, jiġifieri s-SAIs tal-Istati Membri u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) irreaġixxew minnufih għall-kriżi attwali u wettqu malajr ħafna attivitajiet ta’ awditjar u ta’ monitoraġġ. Minbarra t-48 attività tal-awditjar li ġew ikkompletati fl-2020, aktar minn 200 attività oħra tal-awditjar għadhom għaddejjin jew huma ppjanati, u se jiġu ffinalizzati fl-2021 jew fl-2022. Il-Kompendju fih sommarji ta’ 17-il rapport (minn 48) li ġew ippubblikati fl-2020, li jkopru ħames oqsma ta’ prijorità: is-saħħa pubblika, id-diġitalizzazzjoni, ir-rispons soċjoekonomiku, il-finanzi pubbliċi u r-riskji, u r-rispons ġenerali fil-livelli differenti tal-gvern. Huwa jibbaża fuq ir-riżultati tal-awditi mwettqa mis-SAIs tal-Belġju, Ċipru, il-Ġermanja, il-Latvja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, l-Iżvezja u mill-QEA.

Il-Kompendju tal-Awditjar dwar ir-rispons għall-pandemija tal-COVID-19 huwa attwalment disponibbli bl-Ingliż. It-23 verżjoni lingwistika l-oħra tal-UE se jiġu ppubblikati fix-xhur li ġejjin.

Kompendju tal-Awditjar tal-Kumitat ta’ Kuntatt dwar ir rispons għall-pandemija tal-COVID-19

22/07/2021
Dan is-sit huwa ġestit mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.