L-awditi tagħna
Kif jitwettaq ix-xogħol tal-awditjar proprju?
Il-passi prinċipali tal-proċess tal-awditjar huma:
• programmazzjoni: il-prijoritajiet tal-awditjar pluriennali u annwali jiġu determinati abbażi ta’ analiżi tar-riskju u tal-politika, u l-kompiti tal-awditjar jintgħażlu kif meħtieġ.
• ippjanar tal-awditjar: jiġu ppreżentati fid-dettall il-passi tal-awditjar biex jiġi żgurat li l-proċess ikun effiċjenti u effettiv, jiġu stabbiliti l-ambitu speċifiku u l-approċċ tal-awditu, u jitħejjew ir-riżorsi tal-ippjanar u l-istadji importanti.
• xogħol tal-awditjar fuq il-post: tinkiseb evidenza diretta għall-awditjar, fuq il-post fl-istituzzjonijiet, fl-aġenziji u l-korpi deċentralizzati tal-UE, fl-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali fl-Istati Membri u minn riċevituri oħra tal-fondi tal-UE. L-awditi jitwettqu billi tintuża firxa ta’ metodi bħal eżaminar ta’ dokumenti u rapporti, tekniki diretti ta’ interrogazzjoni bħal intervisti, bordijiet ta’ esperti u stħarriġiet, kif ukoll proċeduri analitiċi bħal analiżi b’bosta kriterji u valutazzjoni komparattiva. Il-korpi awditjati huma meħtieġa li jibagħtu kull dokument jew informazzjoni li l-awdituri tagħna jqisu li huma neċessarji għall-iskop tal-awditu.
• ikklerjar mal-entità awditjata: il-fatti jiġu vverifikati mal-korp awditjat u tiġi kkonfermata l-validità tas-sejbiet. Il-fatti u s-sejbiet jiġu kklerjati f’bosta stadji, inkluż, fejn ikun applikabbli, mal-korpi awditjati fl-Istati Membri, f’pajjiżi terzi jew f’organizzazzjonijiet internazzjonali.
• rappurtar: is-sejbiet, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar jiġu ppreżentati f’rapport, flimkien mar-rispons tal-entità/entitajiet awditjata/i. Ir-rapporti tagħna kollha jiġu ppubblikati.
• xogħol ta’ segwitu: jiġi vvalutat il-livell sa fejn ir-rakkomandazzjonijiet ikunu ġew indirizzati mill-entità/entitajiet awditjata/i, ġeneralment fi żmien tliet snin wara li jkun ġie ffinalizzat l-awditu.
L-awditi tal-QEA kemm jieħdu żmien?
Il-perjodu ta’ żmien fil-mira, kif maqbul mal-Parlament Ewropew, huwa li l-awditi magħżula tagħna jiġu kkompletati fi żmien 13-il xahar, mill-adozzjoni tal-ippjanar dettaljat sal-adozzjoni tar-rapport. B’kont meħud tal-passi kollha ta’ hawn fuq, aħna nqisu li dan huwa ferm effiċjenti fl-użu taż-żmien, b’mod partikolari peress li r-rapporti tagħna jridu wkoll jiġu ppubblikati fi 23 lingwa tal-UE.
Xi jfisser “awditu tal-prestazzjoni”?
L-awditi tal-prestazzjoni li nwettqu jindirizzaw l-effettività, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-politiki u tal-programmi tal-UE, u jekk il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba jkunux ġew applikati fir-rigward tad-dħul jew l-infiq tal-UE. Dawn l-awditi jkopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti u jiffukaw b’mod partikolari fuq l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, it-tkabbir u l-inklużjoni, il-migrazzjoni, is-sigurtà u l-iżvilupp globali, is-suq uniku, kif ukoll fuq UE li tagħti rendikont u li hija effiċjenti filwaqt li tipprovdi valur miżjud Ewropew.
Kif jintgħażlu l-kompiti tal-awditjar tal-QEA?
Aħna nagħżlu l-kompiti tal-awditjar tagħna b’mod indipendenti, billi nużaw proċess annwali rigoruż għall-għażla u l-prijoritizzazzjoni, ibbażat fuq valutazzjoni tar-riskji li tkopri l-firxa kollha ta’ politiki tal-UE u l-baġit tal-UE kollu kemm hu. Aħna nieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati istituzzjonali, bħall-Parlament Ewropew.
Barra minn hekk, aħna nadottaw strateġiji pluriennali biex nimplimentaw prijoritajiet fuq terminu twil li jikkonċernaw kemm l-oqsma u l-metodi tal-awditjar kif ukoll l-organizzazzjoni interna tagħna.
X’għarfien espert għandha l-QEA biex twettaq awditi speċjalizzati? Tuża esperti esterni?
Il-persunal tagħna inkarigat mill-awditjar għandu firxa wiesgħa ta’ kwalifiki u esperjenza professjonali kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi l-kontabbiltà, il-ġestjoni finanzjarja, l-awditjar intern u estern, il-liġi u l-ekonomija. Fejn inkunu neħtieġu fehim approfondit f’qasam ta’ politika partikolari - pereżempju, is-superviżjoni bankarja - aħna nirreklutaw persunal speċjalizzat.
Barra minn hekk, aħna nagħmlu użu minn esperti esterni li magħhom niddiskutu l-ippjanar tal-awditjar u l-analiżi tar-riskju tagħna, u li jistgħu jikkontribwixxu wkoll għat-tfassil u l-prestazzjoni ta’ awditi u ta’ rapporti analitiċi magħżula.
Fl-Istati Membri, xi wħud mill-awditi jitwettqu wkoll f’kollegament mal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (SAIs) nazzjonali, u l-awdituri tagħhom jistgħu jingħaqdu mat-timijiet tagħna.
Għalfejn il-QEA twettaq awditi bosta snin wara l-implimentazzjoni ta’ politika jew ta’ programm?
Aħna nqisu li huwa importanti li l-politiki tal-UE jilħqu l-objettivi intenzjonati tagħhom u li l-programmi ta’ nfiq jipprovdu valur għall-flus. Għalhekk, jeħtieġ li aħna nippermettu li l-proġetti u l-programmi jkollhom żmien biżżejjed biex jiġu implimentati u juru l-ewwel riżultati. Xi kultant, skont il-politika u l-programm, dan jista’ jieħu bosta snin. Din hija r-raġuni għalfejn il-biċċa l-kbira mill-awditi u l-eżaminar tagħna huma ex post. Inkella, aħna ma nkunux nistgħu nagħmlu l-valutazzjoni tagħha bbażata fuq l-evidenza.
Il-QEA kif tiggarantixxi indipendenza u oġġettività fl-awditi tagħha?
L-awditi tagħna jitwettqu f’konformità mal-kodiċi għall-kontroll tal-kwalità li ġie stabbilit mill-INTOSAI, li hija l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar. L-awdituri tagħna huma suġġetti għall-kodiċi ta’ kondotta professjonali tal-INTOSAI. Fost affarijiet oħra, huma meħtieġa li jkunu ħielsa minn ċirkustanzi jew influwenzi li jistgħu jikkompromettu, jew li jistgħu jitqiesu bħala li jikkompromettu, il-ġudizzju professjonali tagħhom, u li jaġixxu b’mod imparzjali u oġġettiv.
Bl-istess mod, it-Trattat jirrikjedi li l-Membri tagħna jridu jkunu kompletament indipendenti fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom. Dan ifisser li huma ma jridux ifittxu jew jieħdu struzzjonijiet minn xi sors estern, huma jridu jastjenu minn kull azzjoni li ma tkunx kompatibbli mad-dmirijiet tagħhom u ma jistgħux jeżerċitaw xi attività professjonali oħra, kemm bi ħlas kif ukoll mingħajr. Jekk huma jiksru dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tneħħihom mill-kariga tagħhom.
X’jiġri mir-rakkomandazzjonijiet tal-QEA wara li rapport jiġi ppubblikat?
Ir-riżultati tax-xogħol tagħna jistgħu jintużaw mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Parlament, mill-Kunsill, u mill-parlamenti u l-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri biex itejbu l-mod kif il-politiki u l-programmi tal-UE jiġu implimentati fil-prattika. Dan it-titjib jista’ jkun fil-forma ta’ bidliet fil-leġiżlazzjoni jew fir-regolamenti, gwida aħjar jew approċċ ġdid għat-twettiq tal-politiki jew tal-programmi. Matul iż-żmien, xi 90 fil-mija tar-rakkomandazzjonijiet tagħna jiġu aċċettati kompletament jew parzjalment. Inqas minn 5 fil-mija jiġu rrifjutati.
Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jingħataw segwitu?
Iva. Normalment wara tliet snin, aħna nivverifikaw il-livell sa fejn ir-rakkomandazzjonijiet tagħna jkunu ġew implimentati.
Il-QEA tista’ tinforza r-rakkomandazzjonijiet tagħha?
Ir-rwol tagħna huwa li nipprovdu pariri permezz tar-rakkomandazzjonijiet tagħna, aktar milli li ninfurzawhom.
Jekk l-awditi tagħna jsibu li xi flus ikunu tħallsu indebitament u jridu jiġu rkuprati, il-Kummissjoni għandha l-mezzi biex tinforza dan l-irkupru, inkluż fil-każ ta’ programmi ta’ nfiq tal-UE li jkunu ġew implimentati mill-awtoritajiet tal-Istati Membri.
F’dawk il-każijiet fejn nissuspettaw li hemm frodi, aħna nirreferu l-kwistjoni lill-OLAF, l-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea ta’ Kontra l-Frodi, li għandu l-esperti proprji tiegħu. Dawn il-ħiliet huma differenti minn dawk tal-awditjar, u aħna nqisu li s-separazzjoni ta’ bejniethom hija mezz biex dawn il-ħiliet jintużaw bl-aħjar mod possibbli. L-OLAF jinvestiga l-każijiet u, skont ir-riżultati, jirreferihom lis-servizzi ta’ prosekuzzjoni nazzjonali.
Sussegwentement, aħna nagħtu segwitu għal-liema azzjonijiet korrettivi jkunu ttieħdu mill-Kummissjoni u mill-OLAF jew jekk dawn il-każijiet, skont l-eżitu tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-prosekuturi nazzjonali, ikunux wasslu għal sanzjonijiet ġudizzjarji.
Il-Membri tagħna u x-xogħol li aħna nwettqu ma’ oħrajn
Il-Membri tal-QEA kif jinħatru?
Il-Membri tal-QEA, li jiġu nnominati mill-gvernijiet tal-Istat Membru rispettiv tagħhom, jinħatru mill-Kunsill, wara li ssir konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Il-Membri jinħatru għal mandat ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded. Huma meħtieġa li jwettqu d-dmirijiet tagħhom f’indipendenza kompleta u fl-interess ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
Il-Membri nfushom jaħdmu fuq l-awditi?
Iva. Minbarra li jiffurmaw parti mill-Kulleġġ tal-Qorti, il-Membri jiġu assenjati għal waħda mill-ħames awli, li kull waħda hija speċjalizzata f’oqsma ta’ politika differenti. Dawn l-Awli jadottaw il-biċċa l-kbira mir-rapporti u l-opinjonijiet tal-awditjar.
Kull Membru huwa wkoll responsabbli għal kompiti speċifiċi, primarjament fil-qasam tal-awditjar. Ix-xogħol tal-awditjar li jwassal għal rapport jitwettaq mill-awdituri tal-awla. Il-Membru jippreżenta r-rapport lill-awla u/jew lill-kulleġġ intier tal-Qorti għall-adozzjoni, u wara lill-Parlament Ewropew u lill-partijiet ikkonċernati istituzzjonali l-oħra li jkunu rilevanti, kif ukoll lill-midja.
Il-QEA kif tikkoopera mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-parlamenti nazzjonali?
Il-fatt li aħna niddeċiedu u nesegwixxu l-programm ta’ ħidma tagħna f’indipendenza kompleta ma jfissirx li naħdmu f’iżolament. Lanqas ma jipprekludina milli nilħqu lis-sħab istituzzjonali tagħna biex inkunu nafu liema informazzjoni huma jkunu jeħtieġu. Aħna żviluppajna relazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew sabiex nirċievu suġġerimenti dwar l-awditjar mill-aktar fis possibbli fil-proċess tal-ippjanar. Aħna nisimgħu wkoll lill-Kunsill – leħen l-Istati Membri – kif ukoll, tabilħaqq, lill-Parlamenti fl-Istati Membri nfushom. Fi snin reċenti, aħna rċevejna għadd konsiderevoli ta’ suġġerimenti li kienu utli ħafna u li aħna ħadna azzjoni fir-rigward tagħhom.
Naturalment, aħna nżommu wkoll djalogu kontinwu mal-Kummissjoni Ewropea, bħala l-istituzzjoni li hija prinċipalment responsabbli għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħna.
Il-QEA kif tikkoopera mal-Uffiċċji tal-Awditjar fl-Istati Membri?
Aħna għandna relazzjoni ta’ xogħol mill-qrib ħafna mal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (SAIs) fl-Istati Membri tal-UE, fil-kuntest tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-UE u permezz ta’ kuntatti bilaterali.
L-awdituri mis-SAIs tal-UE jistgħu jakkumpanjawna meta nkunu qed inwettqu xogħol tal-awditjar fuq il-post fl-Istat Membru tagħhom.
Aħna niskambjaw ukoll informazzjoni u esperjenzi permezz tas-sħubija tagħna fil-EUROSAI u l-INTOSAI, l-organizzazzjoni Ewropea u Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar.
Il-QEA tieħu kont tax-xogħol imwettaq minn oħrajn fix-xogħol tal-awditjar tagħha?
Iva. Il-kontrolli interni fil-Kummissjoni Ewropea u fl-Istati Membri ssaħħu b’mod sinifikanti fi snin reċenti, biex b’hekk aħna nistgħu nserrħu aktar fuqhom meta niġu biex nivvalutaw ir-regolarità tal-infiq. Attwalment, aħna qed nittestjaw approċċ ta’ impenn ta’ attestazzjoni għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni annwali li nwettqu fil-qasam tal-politika ta’ Koeżjoni.
Dan jgħin biex nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u nkomplu ntejbu l-ġestjoni tal-finanzi tal-UE. Aħna biħsiebna nespandu dan l-approċċ għal dawk l-oqsma kollha tal-baġit tal-UE fejn il-kundizzjonijiet meħtieġa jiġu ssodisfati u fejn dan l-approċċ huwa kosteffiċjenti.
Ir-Rapport Annwali tagħna
X’inhu r-rwol tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fir-rigward tal-baġit tal-UE?
Kull sena, aħna nivverifikaw il-kontijiet tal-UE u nipprovdu opinjoni dwar żewġ aspetti: jekk il-kontijiet ikunux preċiżi u affidabbli, u l-livell sa fejn ikun hemm evidenza li l-flus ġew riċevuti jew tħallsu f’konformità mar-regoli applikabbli tal-UE u dawk nazzjonali.
Dan jifforma l-bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna, li aħna meħtieġa nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill taħt l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Huwa veru li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri qatt ma ċċertifikat il-kontijiet tal-UE?
Le. Aħna ċċertifikajna l-kontijiet bħala affidabbli (tajna “opinjoni favorevoli”) għal kull sena finanzjarja mill-2007 ’l hawn. Dan ifisser li aħna kkonkludejna li l-kontijiet kienu jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-UE u r-riżultati tagħha għas-sena.
Minbarra l-opinjoni tagħna dwar il-kontijiet, aħna meħtieġa nagħtu opinjoni – ibbażat fuq ix-xogħol tal-awditjar tagħna – dwar jekk il-pagamenti ta’ bażi sarux skont ir-regoli applikabbli.
Wieħed mill-elementi li fuq il-bażi tiegħu aħna nifformulaw l-opinjoni tagħna huwa l-istima tagħna tal-livell ta’ żball fil-popolazzjoni awditjata. Il-pagamenti jitqiesu bħala żbaljati jekk il-flus ma kellhomx jitħallsu mill-baġit tal-UE minħabba li ma ntużawx f’konformità mar-regoli tal-UE u/jew dawk nazzjonali.
Matul dawn l-aħħar ftit snin kien hemm titjib fil-livell ta’ żball stmat fil-pagamenti: 2014: 4.4 %; 2015: 3.8 %; 2016: 3.1 %; 2017: 2.4 %; 2018: 2.6 %. Barra minn hekk, mill-2016 ’il hawn, parti sinifikanti mill-infiq awditjat ma kinitx milquta minn livell materjali ta’ żball. Fuq il-bażi ta’ dan, aħna ħriġna “opinjoni kwalifikata” minn dak iż-żmien ’il hawn.
X’inhi “opinjoni favorevoli/kwalifikata/avversa”?
Opinjoni “favorevoli” tfisser li ċ-ċifri jippreżentaw stampa vera u ġusta u jsegwu r-regoli tar-rappurtar finanzjarju.
Opinjoni “kwalifikata” tfisser li l-awdituri ma jistgħux jagħtu opinjoni favorevoli, iżda li l-problemi identifikati mhumiex pervażivi, jiġifieri mhumiex preżenti fil-popolazzjoni kollha kemm hi.
Opinjoni “avversa” tindika problemi mifruxa.
X’inhu “livell materjali ta’ żball”?
Fit-terminoloġija tal-awditjar, livell materjali ta’ żball huwa livell ta’ żball li x’aktarx jinfluwenza d-deċiżjoni tad-destinatarji intenzjonati tar-rapporti finanzjarji u tar-rapport tal-awditjar. Kemm aħna kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea nużaw soll ta’ 2 % biex niddeterminaw il-materjalità.
Jekk, pereżempju, il-livell ta’ żball kien stmat li kien ta’ 2 %, dan ifisser li nħlew madwar EUR 3 biljun ta’ flus l-UE?
Le. Dan l-approċċ jista’ jkun qarrieqi minħabba li hemm differenza importanti bejn “żball” u “ħela”. Fl-ittestjar tagħna, aħna niċċekkjaw jekk flus l-UE ntnefqux għall-iskop intenzjonat, jekk l-ispejjeż iddebitati humiex ikkalkulati b’mod xieraq, u jekk il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà ġewx issodisfati. L-istima tar-rata ta’ żball tirreferi għal dan.
Xi wħud mill-iżbalji jinvolvu pagamenti li ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà: pereżempju, dikjarazzjonijiet skorretti tal-erja li jsiru minn xi bdiewa, jew appoġġ mogħti għal riċerka minn kumpanija kklassifikata bħala ta’ daqs “żgħir jew medju”, minkejja li tkun tappartjeni kompletament għal kumpanija kbira. F’dawn il-każijiet, jista’ jkun li l-fondi tal-UE xorta waħda kellhom xi impatt pożittiv u pprovdew xi benefiċċju, minkejja li ma rrispettawx kompletament il-kundizzjonijiet relatati mal-użu tagħhom.
Min-naħa l-oħra, xi nfiq li jkun legali u regolari xorta waħda jista’ jirriżulta f’ħela, bħal f’każ ta’ infrastruttura portwarja li nbniet mingħajr ma ngħatat kunsiderazzjoni adegwata tal-livelli ta’ merkanzija fil-futur.
L-iżbalji misjuba mill-QEA jikkostitwixxu każijiet ta’ frodi?
Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, le. Il-frodi hija att ta’ qerq deliberat biex jinkiseb xi vantaġġ. Għalkemm mhux dejjem faċli li każijiet ta’ frodi jiġu identifikati matul proċeduri standard tal-awditjar, aħna nsibu għadd ta’ każijiet suspettati ta’ frodi kull sena fl-ittestjar tal-awditjar li nwettqu.
Fl-2018, aħna sibna 9 każijiet (13 fl-2017) ta’ frodi suspettata minn madwar 728 tranżazzjoni li awditjajna. Dawn il-każijiet kollha jiġu rrappurtati lill-OLAF, l-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea ta’ Kontra l-Frodi.
Għalfejn l-għadd ta’ każijiet ta’ frodi suspettata identifikati fir-Rapport Annwali tal-QEA huwa daqshekk baxx?
Aħna ma aħniex qed infittxu każijiet ta’ frodi; dak mhuwiex ir-rwol tagħna bħala l-awditur estern tal-UE. Meta tassew nissuspettaw li hemm każ ta’ frodi, aħna ninfurmaw lill-OLAF, l-Uffiċċju tal-Unjoni Ewropea ta’ Kontra l-Frodi. L-OLAF jinvestiga l-każijiet u, skont ir-riżultat, jirreferihom lis-servizzi ta’ prosekuzzjoni nazzjonali.
Sussegwentement, aħna nagħtu segwitu għal-liema azzjonijiet korrettivi ttieħdu mill-Kummissjoni u mill-OLAF jew jekk dawn il-każijiet, skont l-eżitu tal-investigazzjonijiet imwettqa mill-prosekuturi nazzjonali, ikunux wasslu għal sanzjonijiet ġudizzjarji.
Għalfejn il-QEA ma tawditjax l-Istati Membri kollha tal-UE għar-Rapport Annwali tagħha?
L-awditi tagħna jirrigwardaw il-Baġit tal-UE u l-mod kif dan jiġi mmaniġġjat mill-Kummissjoni Ewropea; huma mhumiex maħsuba biex jiġbru informazzjoni dwar Stati Membri individwali. Abbażi tal-awditu tad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni, aħna għaldaqstant nesprimu opinjoni tal-awditjar dwar ir-regolarità tad-dħul u l-infiq tal-UE fl-intier tagħhom. Dan jispjega għalfejn, mill-inqas f’xi wħud mill-oqsma tal-baġit, mhux l-Istati Membri kollha jiġu inklużi kull sena fil-kampjun tal-awditjar tagħna.
Fl-istess ħin, permezz tal-valutazzjonijiet speċifiċi li nwettqu, aħna nipprovdu aktar informazzjoni dettaljata għall-oqsma prinċipali ta’ nfiq fuq bażi annwali.