Review|1149db91-ec84-40c2-9113-0340f5d5d3cf
-->
Rapport Analitiku Nru 09/2019: Id-Difiża Ewropea

Maltese icpdf.png 2 MB
12/09/2019

Id-difiża hija dominju speċifiku, fil-qalba tas-sovranità nazzjonali tal-Istati Membri. Sa ftit taż-żmien ilu, kien hemm azzjoni limitata fil-qasam tad-difiża fil-livell tal-UE. Madankollu, bi tweġiba għal ambjent globali ġdid li joffri sfidi, l-UE nediet inizjattivi ġodda relatati mad-difiża sabiex issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Dan poġġa d-difiża b’mod ċar fiċ-ċentru tal-attenzjoni tal-QEA, billi ż-żieda sinifikanti u rapida fil-finanzjament assoċjat mal-ambizzjonijiet u l-inizjattivi l-ġodda tal-UE tinvolvi riskji ta’ prestazzjoni.

Għalhekk, il-QEA ħejjiet dan ir-rapport analitiku, li mhuwiex awditu iżda rieżami analitiku bbażat fuq analiżi dokumentarja tal-pubblikazzjonijiet dwar is-suġġett u intervisti ma’ persunal minn istituzzjonijiet u korpi tal-UE u oħrajn. Huwa jiffoka b’mod speċifiku fuq (i) il-qafas legali, istituzzjonali u finanzjarju fil-qasam tad-difiża u (ii) is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-kapaċitajiet u l-industriji tad-difiża tal-Istati Membri. L-idea ta’ dan ir-rapport analitiku hija li jeżamina x-xenarju attwali tal-kooperazzjoni tal-UE fil-qasam tad-difiża u li jissottolinja xi wħud mir-riskji prinċipali assoċjati mal-livell il-ġdid ta’ ambizzjoni u mal-inizjattivi relatati mad-difiża tal-UE li żviluppaw f’dawn l-aħħar snin.

Sabiex isir kontribut biex titjieb il-kapaċità ta’ difiża fl-Ewropa jenħtieġ li wieħed imur lil hinn mid-diskors u jwettaq implimentazzjoni effettiva ta’ inizjattivi reali, bil-għan li tiġi appoġġata l-kompetittività tal-industrija tad-difiża Ewropea u jissaħħu l-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri f’komplementarjetà sħiħa man-NATO. Fl-aħħar mill-aħħar, is-suċċess u l-ġejjieni tal-UE fil-qasam tad-difiża jiddependu kompletament fuq ir-rieda politika tal-Istati Membri, billi huma għandhom ir-rwol ċentrali fl-arkitettura tad-difiża tal-Ewropa.