L-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni permezz tal-programmi operazzjonali tinvolvi għadd ta’ attivitajiet, li jiġġeneraw spejjeż għall-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-benefiċjarji.
Aħna eżaminajna jekk l-ispejjeż li ġġarrbu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni humiex komparabbli ma’ skemi simili oħra li jibnu fuq informazzjoni kompleta, konsistenti u koerenti, u jekk l-informazzjoni dwar l-ispejjeż tippermettix li titwettaq analiżi u li jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni bħal, pereżempju, is-simplifikazzjoni tar-regoli.
Aħna kkonkludejna li l-ispiża kumplessiva ppreżentata mill-Kummissjoni, f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni, hija baxxa meta mqabbla ma’ fondi oħra tal-UE u ma’ programmi ffinanzjati internazzjonalment. Madankollu, aħna kkonkludejna li d-data sottostanti dwar l-ispejjeż, li kienet inġabret mill-Kummissjoni, ma kinitx kompleta, konsistenti u koerenti biżżejjed biex tkun tista’ tintuża, pereżempju, biex jiġi vvalutat l-impatt li s-simplifikazzjoni tar-regoli tal-UE jkollha fuq il-mod kif għandhom jiġu implimentati l-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.