Il-Membri tal-QEA, li jiġu nnominati mill-gvernijiet tal-Istati Membri rispettivi tagħhom, jinħatru mill-Kunsill, wara li ssir konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Il-Membri jinħatru għal mandat ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded. Huma meħtieġa li jwettqu d-dmirijiet tagħhom f’indipendenza kompleta u fl-interess ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
Minbarra li jiffurmaw parti mill-kulleġġ tal-Qorti, il-Membri jiġu assenjati għal waħda mill-ħames Awli, li kull waħda hija speċjalizzata f’oqsma ta’ politika differenti. Dawn l-Awli jadottaw il-biċċa l-kbira mir-rapporti u l-opinjonijiet tal-awditjar.
Kull Membru huwa wkoll responsabbli għal kompiti speċifiċi, primarjament fil-qasam tal-awditjar. Ix-xogħol tal-awditjar li jwassal għal rapport jitwettaq mill-awdituri tal-Awla. Il-Membru jippreżenta r-rapport lill-Awla u/jew lill-kulleġġ intier tal-Qorti għall-adozzjoni, u wara lill-Parlament Ewropew u lill-partijiet ikkonċernati istituzzjonali l-oħra li jkunu rilevanti, kif ukoll lill-midja.
Ikklikkja fuq il-links ta’ hawn taħt għal aktar informazzjoni dwar il-Membri tagħna.