-->

Trasport u Turiżmu

 

It-trasport u l-mobbiltà jinsabu fil-qalba tal-proġett Ewropew. Il-proġetti Ewropej tat-trasport, li ġew direttament magħżula u kofinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea, jirċievu finanzjament taħt is-subintestatura tal-baġit tal-UE “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi”. Il-biċċa l-kbira mill-finanzjament tal-UE għall-proġetti tat-trasport, madankollu, għadu jiġi mill-baġit tal-Koeżjoni.

Bħala l-awdituri tal-UE, aħna nħarsu wkoll ’il quddiem sabiex ngħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li l-UE se tiffaċċja fil-futur. Fis-snin li ġejjin, ir-rivoluzzjoni diġitali se jkollha impatt kbir fuq il-fluss tat-traffiku, permezz tal-impatt tagħha fuq il-katini loġistiċi u tal-bidliet fl-imġiba tal-konsumatur. L-infrastruttura tat-trasport fl-Ewropa jeħtieġ li tinbena, tiġi adattata u ssirilha manutenzjoni biex tkun tista’ tlaħħaq mal-fluss tat-traffiku mistenni. Dan se jirrikjedi li jsir investiment pubbliku sostanzjali fis-snin li ġejjin, kif ukoll li jkun hemm approċċi ġodda għall-finanzjament ta’ dawn l-investimenti. Fl-istess ħin, soluzzjonijiet ekoloġiċi, bħal vetturi elettriċi u teknoloġiji ta’ ride-sharing, se jsiru aktar importanti u l-gvernijiet se jkunu meħtieġa jaġġustaw is-sistemi tal-infrastruttura u tat-trasport.

Aħna se nżommu dawn il-fatturi kollha f’moħħna meta nagħżlu l-kompiti tal-awditjar tagħna u nifformulaw rakkomandazzjonijiet għall-futur.