-->

Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

L-aċċess għall-ġustizzja u l-ġestjoni finanzjarja tajba għandhom rwol essenzjali fiż-żamma tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tagħhom tal-UE. Aħna u l-Parlament Ewropew nemmnu fit-tisħiħ tal-kunċett ta’ ċittadinanza Ewropea u tal-istat tad-dritt. Reċentement, aħna ddedikajna sehem sinifikanti mir-riżorsi tagħna għall-awditjar ta’ kif l-UE u l-Istati Membri tagħha jittrattaw il-migrazzjoni legali u illegali.

Bħala l-awdituri tal-UE, aħna nħarsu wkoll ’il quddiem sabiex ngħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li l-UE se tiffaċċja fil-futur. Il-mod ta’ kif l-UE u l-Istati Membri tagħha jittrattaw il-migrazzjoni lejn l-Ewropa se jibqa’ prijorità għolja fl-aġenda politika. Filwaqt li l-flussi migratorji jinsabu ferm taħt il-quċċata li kienu laħqu fl-2015, x’aktarx li l-protezzjoni tal-fruntieri tal-UE mill-migrazzjoni illegali u l-integrazzjoni tal-migranti fis-sistemi soċjali, ekonomiċi u politiċi tagħna jibqgħu kwistjonijiet ta’ prijorità. Tradizzjonalment, l-UE tistabbilixxi standards fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u, fl-2018, daħal fis-seħħ qafas legali ġdid. Fis-snin li ġejjin, teknoloġiji ġodda u l-progress xjentifiku madankollu se joħolqu mistoqsijiet legali, etiċi u soċjali ġodda għal dawk li jfasslu l-politika.

Fi ħdan is-sistema tal-ġustizzja kriminali, pereżempju, l-intelliġenza artifiċjali tista’ tintuża għar-rikonoxximent tal-uċuh, il-valutazzjoni tar-riskji u l-kontroll preventiv. Fl-istess ħin, dan se jġib sfidi fil-forma ta’ tħassib dwar it-trasparenza, l-preċiżjoni u d-drittijiet ċivili fir-rigward tal-privatezza.

Aħna se nżommu dawn il-fatturi kollha f’moħħna meta nagħżlu l-kompiti tal-awditjar tagħna u nifformulaw rakkomandazzjonijiet għall-futur.