-->

Agrikoltura u Żvilupp Rurali

Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tinsab fil-qalba tal-politiki tal-UE. Fl-2019, l-appoġġ li ngħata mill-UE lill-bdiewa taħt l-intestatura “Tkabbir sostenibbli: Riżorsi naturali” kien ta’ aktar minn EUR 57 biljun. Billi hija qasam ta’ politika tradizzjonali tal-UE, il-PAK għandha l-għan li, fost affarijiet oħra, tappoġġa lill-bdiewa u ttejjeb il-produttività agrikola, tiżgura provvista stabbli ta’ ikel bi prezz raġonevoli, tissalvagwardja lill-bdiewa tal-Unjoni Ewropea, u tikkonserva ż-żoni rurali u l-pajsaġġi fl-UE kollha. Fil-każ ta’ dan il-qasam ta’ nfiq kbir (madwar 38 % tal-baġit annwali tal-UE), il-ġestjoni finanzjarja hija essenzjali. Kif diġà għamilna fl-2019, aħna analizzajna suġġetti speċifiċi relatati mal-agrikoltura, bħall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu tal-bdiewa, it-teknoloġiji ġodda ta’ immaġni għall-monitoraġġ tal-agrikoltura, is-sistema ta’ kontroll għall-prodotti organiċi, u l-perikli kimiċi fl-ikel. Il-PAK għall-perjodu wara l-2020 se tistabbilixxi objettivi ġodda u, fost affarijiet oħra, se tadatta kemxejn l-appoġġ għall-introjtu u se jkollha wkoll ambizzjonijiet għoljin f’dak li jirrigwarda l-azzjoni ambjentali u klimatika.

Bħala l-awdituri tal-UE, aħna nħarsu wkoll ’il quddiem sabiex ngħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li l-UE se tiffaċċja fil-futur. Skont il-PAK il-ġdida, aħna se nassistu għal rabtiet aktar mill-qrib bejn it-tibdil fil-klima, il-kompetizzjoni għar-riżorsi u l-preżervazzjoni tal-ħabitat tagħna. Soluzzjonijiet ekoloġiċi se jkunu aktar importanti fl-oqsma kollha tan-negozju u l-industrija, bħat-trasport, il-kostruzzjoni u l-agrikoltura. Dan se jkollu implikazzjonijiet ekonomiċi fuq livell lokali, nazzjonali u fl-UE kollha kemm hi.

Aħna se nżommu dawn il-fatturi kollha f’moħħna meta nagħżlu l-kompiti tal-awditjar tagħna u nifformulaw rakkomandazzjonijiet għall-futur.