-->

Suq Intern u Ħarsien tal-Konsumatur

Kemm il-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll dak tas-servizzi jikkostitwixxu tnejn mill-erba’ libertajiet fundamentali tal-Unjoni. Ix-xogħol tal-awditjar li nwettqu f’dan il-qasam jaqa’ taħt is-subintestatura tal-baġit tal-UE fil-qasam tal-kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi.

Bħala l-awdituri tal-UE, aħna nħarsu wkoll ’il quddiem sabiex ngħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li l-UE se tiffaċċja fil-futur. Ir-regoli internazzjonali, il-kummerċ ħieles u l-multilateraliżmu huma prinċipji ewlenin tal-UE. Bix-xejra tal-protezzjoniżmu li qed tfeġġ, dawn il-prinċipji se jitqiegħdu taħt pressjoni b’narrattivi ġodda dwar x’għandu jinkiseb permezz tal-kummerċ ħieles, għal liema gruppi huwa għandu jitqies bħala “ġust”, u kif jiġu distribwiti l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kummerċ ħieles.

Min-naħa l-oħra, inqas ma jkun hemm opportunitajiet kummerċjali barra mill-UE, aktar ikun ta’ benefiċċju s-suq intern tal-UE għall-ekonomiji nazzjonali. Madankollu, anki wara aktar minn 20 sena mit-tnedija tal-inizjattiva tas-suq uniku, għad iridu jingħelbu ħafna ostakli għall-fluss ħieles tal-merkanzija u tas-servizzi bejn l-Istati Membri.

Aħna se nżommu dawn il-fatturi kollha f’moħħna meta nagħżlu l-kompiti tal-awditjar tagħna u nifformulaw rakkomandazzjonijiet għall-futur.