-->

Baġits

Ir-responsabbiltà prinċipali tal-Kumitat BUDG hija l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), li jifforma l-infiq tal-UE fuq terminu twil. L-immaniġġjar tat-tranżizzjoni minn QFP wieħed għal dak li jmiss huwa importanti ħafna għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-UE. Aħna appellajna b’mod konsistenti biex issir enfasi akbar fuq il-valur miżjud għall-perjodu 2021-2027, kif ukoll biex ikun hemm aktar flessibbiltà u trasparenza, u obbligu ta’ rendikont aħjar.

Bħala l-awdituri tal-UE, aħna nħarsu wkoll ’il quddiem sabiex ngħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li l-UE se tiffaċċja fil-futur. Matul l-aħħar 10 snin, il-baġit tal-UE pprovda appoġġ finanzjarju permezz ta’ għodod alternattivi bħal strumenti finanzjarji, sħubiji pubbliċi-privati u appoġġ baġitarju. Aħna se nkomplu nivvalutaw jekk dawn l-għodod, jew kwalunkwe metodu ġdid ta’ implimentazzjoni tal-politika tal-UE, humiex adattati għall-iskop u jekk dawn jiżgurawx li l-fondi limitati tal-UE jintnefqu b’mod effiċjenti u effettiv. Aħna se neżaminaw mill-qrib ukoll kull proposta għal reviżjoni tal-finanzjament tal-baġit tal-UE jew għal riallokazzjoni tal-fondi matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027.

Aħna se nżommu dawn il-fatturi kollha f’moħħna meta nagħżlu l-kompiti tal-awditjar tagħna u nifformulaw rakkomandazzjonijiet għall-futur.