-->

Kontroll tal-Baġit

 

Aħna naħdmu f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kumitat CONT, b’mod partikolari dwar kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-baġit tal-UE. Irridu li l-flus tal-kontribwenti jintnefqu b’mod effiċjenti, effettiv u f’konformità mal-liġi tal-UE. Aħna awditjajna l-kontijiet tal-Istituzzjonijiet, il-korpi, l-aġenziji u l-impriżi konġunti (JUs) tal-UE, u nissuġġerixxu titjib sabiex tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja tajba. Inwettqu wkoll awditi tal-prestazzjoni ta’ programmi u ta’ proġetti tal-UE biex nivvalutaw jekk dawn humiex qed iwasslu valur għall-flus.

Ir-Rapporti annwali tagħna fihom ir-riżultati tax-xogħol tal-awditjar finanzjarju u tal-konformità li nwettqu fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea, il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, l-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji u l-JUs kollha tal-UE. Huma jinkludu d-dikjarazzjonijiet ta’ assigurazzjoni annwali u l-valutazzjonijiet speċifiċi tal-oqsma prinċipali tal-baġit, u jkopru wkoll kwistjonijiet dwar il-ġestjoni tal-baġit u l-prestazzjoni.

Ġeneralment, aħna nippreżentaw ir-rapporti speċjali tagħna lill-Kumitat CONT. Kemm ir-rapporti annwali kif ukoll ir-rapporti speċjali huma l-bażi tal-eżerċizzju ta’ kwittanza annwali tal-Parlament, li jitmexxa mill-Kumitat CONT.

Bħala l-awdituri tal-UE, aħna nħarsu wkoll ’il quddiem sabiex ngħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li l-UE se tiffaċċja fil-futur. Aħna nantiċipaw għadd ta’ sfidi għall-UE, inklużi t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u tas-soċjetà, it-tibdil fil-klima, il-pressjoni fuq l-istat tad-dritt u d-demokrazija, il-proċess ta’ globalizzazzjoni li jinsab imwaħħal, kif ukoll iż-żieda fl-inugwaljanza u fis-sentiment nazzjonali. Dawn l-isfidi kollha jista’ jkollhom ukoll konsegwenzi ekonomiċi u baġitarji sinifikanti.

Aħna se nżommu dawn il-fatturi kollha f’moħħna meta nagħżlu l-kompiti tal-awditjar tagħna u nifformulaw rakkomandazzjonijiet għall-futur.