-->

Sigurtà u Difiża

 

L-interess pubbliku fil-qasam tad-difiża huwa għoli fost l-Istati Membri, minħabba l-ordni ġeopolitika aktar instabbli u minħabba ż-żieda ta’ theddid ġdid għas-sigurtà. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, il-Kummissjoni stabbiliet Fond Ewropew għad-Difiża biex jappoġġa l-proġetti ta’ difiża kollaborattivi fil-livell tal-UE, flimkien mal-baġits tad-difiża nazzjonali tal-Istati Membri stess.

Bħala l-awdituri tal-UE, aħna nħarsu wkoll ’il quddiem sabiex ngħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li l-UE se tiffaċċja fil-futur. Tliet deċennji wara t-tmiem tal-Gwerra Bierda, dinja li qed issir dejjem aktar volatili qed tippreżenta tip ġdid ta’ theddida asimmetrika għas-sigurtà. L-oriġini ta’ theddid bħal dan huma l-gruppi terroristiċi u gruppi estremisti oħra, l-organizzazzjonijiet kriminali u l-pajjiżi ostili, iżda l-pandemiji wkoll jippreżentaw theddida. Attwalment, l-UE mhijiex imħejjija tajjeb għall-problemi ta’ sigurtà li jista’ jkollha tiffaċċja f’termini ta’ ċibersigurtà, gwerer ibridi u l-adattament tal-midja soċjali f’arma. Fl-istess ħin, se jkun aktar diffiċli għall-UE u l-Istati Membri tagħha li jiksbu ftehimiet multilaterali jew bilaterali, u l-Ewropej se jkollhom jimmaniġġjaw u jiffinanzjaw is-sigurtà u d-difiża tagħhom stess.

Aħna se nżommu dawn il-fatturi kollha f’moħħna meta nagħżlu l-kompiti tal-awditjar tagħna u nifformulaw rakkomandazzjonijiet għall-futur.