Yes
No

​Il-QEA hija membru attiv tal-INTOSAI u tal-organizzazzjoni reġjonali Ewropea tagħha (EUROSAI). Permezz ta’ din l-attività, hija tagħti kontribut għall-iżvilupp tal-professjoni tal-awditjar pubbliku madwar id-dinja.

INTOSAI

INTOSAI
INTOSAI

L-INTOSAI (Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar) hija l-organizzazzjoni professjonali ta’ SAIs ta’ pajjiżi li jagħmlu parti min-Nazzjonijiet Uniti jew l-aġenziji speċjalizzati tagħha. Bħalissa, hija tinkludi 195 membru sħiħ (li minnhom il-QEA hija l-uniku korp supranazzjonali), 5 organizzazzjonijiet internazzjonali bi sħubija assoċjata, u 2 membri affiljati. L-INTOSAI hija elenkata bħala organizzazzjoni ta’ appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti.

Sa mill-1980, u anke qabel ma saret membru sħiħ, il-QEA pparteċipat b’mod attiv f’għadd ta’ attivitajiet u oqsma ta’ xogħol tal-INTOSAI, b’mod partikolari billi pprovdiet input prattiku għat-tħejjija ta’ standards u ta’ gwida, kif ukoll ippromwoviet l-aħjar prattika u l-aċċertament tal-kwalità. Il-QEA kienet irrappreżentata wkoll f’kull kungress tal-INTOSAI li jsir kull tliet snin, u f’ħafna okkażjonijiet ħadet ir-responsabbiltà għat-tema tal-kungress.

Fl-2004, il-QEA saret membru sħiħ tal-INTOSAI b’segwitu għall-modifika fl-istatuti tal-INTOSAI rigward is-sħubija ta’ SAIs minn organizzazzjonijiet supranazzjonali.

Il-QEA tipparteċipa b’mod attiv f’attivitajiet tal-INTOSAI mmirati lejn l-iżvilupp ta’ standards tal-awditjar professjonali. F’Novembru 2022, fl-XXIV Kungress tal-INTOSAI l-QEA saret il-President tal-Kumitat għall-Istandards Professjonali (PSC), wara li kienet il-Viċi President mill-2016 sal-2022. F’din il-kapaċità, il-QEA kisbet siġġu fil-Bord ta’ Tmexxija tal-INTOSAI.

Il-QEA hija wkoll membru tal-Kumitat għall-Bini tal-Kapaċità u tal-Kumitat għall-Kondiviżjoni tal-Għarfien tal-INTOSAI, u għandha rwol attiv f’bosta korpi ta’ ħidma ta’ dawn il-Kumitati.

EUROSAI

EUROSAI
EUROSAI

Il-QEA hija membru tal-EUROSAI (Organizzazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar), l-organizzazzjoni reġjonali Ewropea tal-INTOSAI.

L-EUROSAI ġiet stabbilita fl-1990 minn 29 SAI Ewropea u mill-QEA u attwalment tinkludi 51 membru. Sa mit-twaqqif tagħha, il-QEA kienet involuta b’mod intensiv f’diversi korpi ta’ ħidma tal-EUROSAI.

Il-QEA serviet bħala l-awditur estern tal-EUROSAI għall-perjodu 2008-2011 u bħala membru tal-Bord Governattiv tal-EUROSAI għall-perjodu 2011-2017.

Evalwazzjoni bejn il-pari

Bħala istituzzjoni suprema tal-awditjar (SAI), il-QEA tistinka biex tkun fuq quddiem nett tal-iżviluppi fl-awditu tas-settur pubbliku. Hija taħdem mill-qrib ma’ SAIs oħra fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (INTOSAI), u l-organizzazzjoni reġjonali Ewropew tagħha l-EUROSAI, biex tistabbilixxi standards professjonali u prattiki tajba. Il-QEA kienet adottat minn kmieni l-evalwazzjoni bejn il-pari bħala għodda għall-iżvilupp u t-tixrid ta’ prattika tajba fi ħdan il-komunità tas-SAIs.

L-ewwel evalwazzjoni bejn il-pari tal-QEA fl-2008 eżaminat l-aspetti kollha tal-operazzjonijiet tal-awditjar u dawk amministrattivi tagħha. L-evalwazzjoni tmexxiet mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali tal-Kanada, flimkien mas-SAIs tal-Awstrija, tan-Norveġja u tal-Portugall.

It-tieni evalwazzjoni bejn il-pari tal-QEA intemmet fl-2013 u tmexxiet mill-Qorti tal-Awdituri Federali Ġermaniża flimkien mas-SAIs ta’ Franza u tal-Iżvezja. Hija kopriet il-prattiki tal-QEA fl-awditi tal-prestazzjoni u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni bejn il-pari 2008.

It-tielet evalwazzjoni bejn il-pari, iffinalizzata fl-2020, ivvalutat l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-QEA għall-perjodu 2018-2020. L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar tal-Estonja, flimkien mas-SAIs tad-Danimarka, tan-Netherlands, u tal-Istati Uniti tal-Amerka, mexxa l-evalwazzjoni.

Links relatati