Il-lobbjar huwa għodda demokratika essenzjali li tippermetti lil organizzazzjonijiet u individwi jagħtu input għat-tfassil ta’ politiki u t-teħid ta’ deċiżjonijiet. Madankollu, mingħajr mekkaniżmi ta’ trasparenza, huwa jista’ jirriżulta f’influwenza indebita, kompetizzjoni inġusta, u saħansitra korruzzjoni. Il-leġiżlaturi tal-UE – il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill – aderew mar-reġistru tat-trasparenza tal-UE, punt ta’ dħul ċentrali għal-lobbisti li jixtiequ jinfluwenzaw l-iżvilupp ta’ politiki u t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE. Iżda r-reġistru jinforma b’mod adegwat liċ-ċittadini dwar l-influwenza potenzjali tal-lobbisti? U l-lobbisti għandhom aċċess ġust u ndaqs? L-awdituri tagħna qed jaħdmu fuq dan, u se tisma’ dwar is-sejbiet tagħhom f’April.

Ir-regolamentazzjoni tal-lobbjar tolqot kwistjonijiet ta’ etika, trasparenza, integrità, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Diversi gvernijiet madwar id-dinja – u diversi organizzazzjonijiet internazzjonali – żviluppaw regolamenti, prinċipji, standards jew linji gwida bl-għan li jistabbilixxu prattiki ta’ lobbjar trasparenti u etiċi. Biex jiskoraġġixxu mġiba mhux etika mill-persunal, l-istituzzjonijiet tal-UE japplikaw l-oqfsa etiċi tagħhom stess. Fl-2011, il-Parlament u l-Kummissjoni waqqfu r-reġistru tat-trasparenza tal-UE, u magħhom ingħaqad il-Kunsill fl-2021. Fl-istess sena, dawn l-istituzzjonijiet qablu dwar il-prinċipju tal-kundizzjonalità, li permezz tiegħu r-reġistrazzjoni hija prekundizzjoni meħtieġa biex il-lobbisti jkunu jistgħu jwettqu ċerti attivitajiet. L-għan ta’ dawn il-ftehimiet interistituzzjonali huwa li jippermettu liċ-ċittadini jsegwu prattiki ta’ lobbjar u jsiru jafu dwar l-influwenza potenzjali tal-lobbisti, bħal pereżempju bid-divulgazzjoni tal-appoġġ finanzjarju li jirċievu.

L-awditu tal-QEA qed isir fl-isfond ta’ “Qatargate”. F’Diċembru 2022, ħarġu allegazzjonijiet li l-Emirat tal-Qatar kien influwenza illegalment – jew saħansitra xaħħam – Membri tal-Parlament Ewropew (MPE) biex jilħaq għanijiet tal-politika barranija. Għalkemm l-awditu nbeda qabel dan il-każ, u ffoka fuq il-perjodu 2019-2022, l-awdituri se jieħdu inkunsiderazzjoni kwalunkwe deċiżjoni relatata, jiġifieri dawk meħuda mill-Parlament Ewropew dwar kif jimplimenta r-reġistru.

Hemm diversi mistoqsijiet ewlenin li għalihom l-awdituri se jkunu jridu tweġiba. Pereżempju, ir-reġistru huwa bbażat fuq prinċipji rikonoxxuti internazzjonalment ta’ trasparenza u integrità fil-lobbjar? It-tliet istituzzjonijiet firmatarji jagħmlu użu sinifikanti minnu bħala prekundizzjoni għall-attivitajiet ta’ lobbjar? L-arranġamenti ta’ ħidma tas-segretarjat tar-reġistru jwasslu għal kwalità tajba tad-data dwar l-attivitajiet ta’ lobbjar? Is-sit web pubbliku tar-reġistru jipprovdi kontenut rilevanti?

Fis-17 ta’ April 2024, ir-rapport se jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-QEA (disponibbli minn 00:01 a.m.). Nistednukom tagħtu ħarsa lejn is-sejbiet tal-awdituri u r-rakkomandazzjonijiet tagħhom biex isir titjib.

Il-lobbjar lil-leġiżlaturi tal-UE: logħba ġusta?