Minħabba l-pożizzjoni tagħha, it-Turkija hija pajjiż ospitanti u ta’ tranżitu importanti għar-refuġjati li jkunu fi triqithom lejn l-Ewropa. Matul dawn l-aħħar 10 snin, il-pajjiż esperjenza influss ta’ refuġjati, b’mod partikolari mis-Sirja. Fl-2015, biex tipprovdi finanzjament akbar għall-appoġġ tar-refuġjati fil-pajjiż, l-UE stabbiliet il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija. Il-Faċilità twassal EUR 6 biljun lill-pajjiż. Fl-2018, l-awdituri tal-UE eżaminaw l-appoġġ umanitarju fl-ambitu tal-Faċilità. Reċentement huma wettqu t-tieni awditu biex jivvalutaw jekk il-finanzjament kienx ta’ benefiċċju għar-refuġjati u għall-komunitajiet ospitanti, jekk il-flus li ntefqu kellhomx impatt notevoli, u x’se jiġri meta ma jkun jifdal xejn mill-appoġġ li jingħata mill-UE.

Bħalissa t-Turkija tospita aktar minn 4 miljun refuġjat irreġistrat, u dawn jinkludu aktar minn 3.2 miljun ta’ oriġini Sirjana. L-ispostament kontinwu tagħhom u l-għadd dejjem akbar ta’ wasliet irregolari mill-Afganistan qed ifixklu l-koeżjoni soċjali bejn ir-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti tagħhom, speċjalment minħabba r-reċessjoni ekonomika fit-Turkija. Billi inqas minn 5 % tar-refuġjati jgħixu f’kampijiet tar-refuġjati, il-preżenza tagħhom għandha impatt sinifikanti fuq il-komunitajiet lokali. Wara t-terremoti fi Frar 2023, kien hemm u għad hemm tensjoni dejjem tikber madwar ir-refuġjati fit-Turkija.

Il-Faċilità għandha l-għan li tipprovdi lill-UE b’mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni għall-mobilizzazzjoni rapida, effettiva u effiċjenti tal-għajnuna għar-refuġjati fit-Turkija. B’kollox hija tikkoordina EUR 6 biljun, nofshom iffinanzjati mill-baġit tal-UE u n-nofs l-ieħor permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri tal-UE. Il-flus ġew allokati f’żewġ segmenti indaqs, fil-perjodi 2016-2017 u 2018-2019. Ġew żborżati aktar minn EUR 5 biljun sa issa, matul perjodu ta’ deterjorament tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u t-Turkija mill-2016 ’il hawn. Iżda xi nkiseb b’dan, u r-riżultati huma sostenibbli fit-tul?

Fl-ewwel awditu li wettqu fl-2018, l-awdituri faħħru lill-UE talli mmobilizzat malajr il-fondi biex tipprovdi rispons rapidu. Madankollu, huma appellaw ukoll għal titjib fil-mod kif il-Faċilità tiġi mmaniġġjata biex b’hekk il-fondi jkunu jistgħu jintużaw b’mod aktar effettiv. Din id-darba, l-awdituri vverifikaw jekk ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħhom kinux ġew implimentati, jekk il-proġetti ta’ żvilupp indirizzawx il-ħtiġijiet tal-benefiċjarji u kellhomx xi impatt, u jekk il-proġetti humiex sostenibbli u l-kostijiet tagħhom humiex raġonevoli. Ivvalutaw ukoll il-konsegwenzi tat-terremoti tal-2023 fuq il-proġetti ffinanzjati. Intom interessati fis-sejbiet tagħhom? Ibqgħu segwuna – ir-rapport se jiġi ppubblikat fuq is-sit web tagħna, ftit wara nofsillejl fl-24 ta’ April.

L-awdituri jivvalutaw għat-tieni darba l-appoġġ li jingħata mill-UE għar-refuġjati fit-Turkija