Id-diżinformazzjoni hija tħassib serju f’soċjetajiet organizzati. Billi fadal biss ftit jiem għall-elezzjonijiet Ewropej, naturalment l-istituzzjonijiet tal-UE huma attenti għar-riskji u t-theddid li dan joħloq. Fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, diġà rrappurtajna qabel dwar id-diżinformazzjoni li tolqot lill-UE, kif ukoll dwar iċ-ċibersigurtà fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Ir-Rapport Speċjali tagħna tal-2021 dwar id-diżinformazzjoni sab li din kienet qed tiġi indirizzata iżda mhux mitigata, u l-awdituri tagħna rrakkomandaw li jiżdied ir-rispons tal-UE u li l-koordinazzjoni tiegħu tittejjeb. Sadanittant, il-messaġġ ewlieni tar-rapport tal-awditjar tagħna tal-2022 dwar iċ-ċibersigurtà kien li jenħtieġ li l-korpi tal-UE jżidu t-tħejjija tagħhom fil-qasam taċ-ċibersigurtà. Iż-żewġ rapporti jibqgħu topiċi bħal qatt qabel.
Il-media soċjali u t-teknoloġiji l-ġodda żiedu l-iskala u l-veloċità li bihom informazzjoni falza jew qarrieqa tista’ tilħaq lill-udjenzi, kemm jekk intenzjonalment kif ukoll jekk le. Bħalma għidna fir-rapport speċjali tagħna fl-2021 dwar id-diżinformazzjoni, “kwalunkwe tentattiv biex tiġi mminata jew immanipulata opinjoni pubblika b’mod malizzjuż u intenzjonalment jirrappreżenta theddida serja għall-UE nnifisha.” Madankollu, il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni tirrappreżenta sfida kbira billi l-UE jeħtiġilha tevita li tmur kontra l-valuri fundamentali tagħha stess, bħal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni. Ir-rapport speċjali ffoka fuq il-pjan ta’ azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, li nħareġ fl-2018. L-awdituri tagħna kkonkludew li l-pjan ta’ azzjoni kien skatta żviluppi pożittivi, iżda ma laħaqx il-potenzjal fir-rigward tal-wegħdiet kollha tiegħu. Ħriġna sitt rakkomandazzjonijiet ċari lill-Kummissjoni Ewropea u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna – u tlabna li jieħdu azzjoni dwarhom.
Il-korpi tal-UE huma interkonnessi mill-qrib, u dgħufija f’wieħed minnhom tista’ tesponi lill-oħrajn għal theddid għas-sigurtà. Sentejn ilu biss, l-awdituri tagħna enfasizzaw li l-għadd ta’ attakki ċibernetiċi fuq il-korpi tal-UE kien qed jiżdied drastikament u li l-livell (varjabbli) ta’ tħejjija tagħhom fil-qasam taċ-ċibersigurtà fi ħdan il-korpi tal-UE ma kienx proporzjonat mat-theddida dejjem tikber. Dawn huwa importanti minħabba li l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE huma miri attraenti għal aggressuri potenzjali, b’mod partikolari gruppi li kapaċi jwettqu attakki sigrieti sofistikati ħafna għal spjunaġġ ċibernetiku u għal skopijiet kiefra oħra. Attakki bħal dawn jista’ jkollhom implikazzjonijiet politiċi sinifikanti, jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni ġenerali tal-UE, u jimminaw il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tagħha. Għalhekk, l-awdituri tagħna enfasizzaw li l-UE jeħtiġilha żżid l-isforzi tagħha biex tipproteġi l-organizzazzjonijiet tagħha stess, u ħarġu tliet rakkomandazzjonijiet ewlenin.
Fl-2023, il-QEA ħarġet opinjoni dwar miżuri proposti biex jissaħħu s-solidarjetà u l-kapaċità fl-UE tad-detezzjoni, it-tħejjija u r-rispons għat-theddid u l-inċidenti taċ-ċibersigurtà. L-awdituri tagħna laqgħu l-objettiv tal-proposta biex tissaħħaħ ir-reżiljenza ċibernetika kollettiva tal-UE. Xorta waħda huma enfasizzaw xi riskji, bħar-riskju li l-operat tat-Tarka Ċibernetika Ewropea u s-sostenibbiltà tagħha jistgħu jsiru dipendenti fuq il-finanzjament mill-UE; li nuqqas ta’ kondiviżjoni tal-informazzjon jista’ jimpedixxi l-funzjonament tagħha; u li l-miżuri introdotti mill-proposta jistgħu jagħmlu lill-galassja taċ-ċibersigurtà sħiħa tal-UE aktar kumplessa. Wara l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, u b’riżultat tan-negozjati bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE, “pakkett dwar iċ-ċibersolidarjetà” issa jinsab fuq il-mejda tal-leġiżlaturi tal-UE.
Ir-rapporti msemmija hawn fuq jgħinu fil-ħolqien ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji u t-theddid tad-diżinformazzjoni. Fit-tħejjija għall-elezzjonijiet Ewropej li se jsiru bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju 2024, nirrakkomandaw ukoll li tingħata ħarsa lejn il-kampanja li l-Kummissjoni Ewropea u l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva nedew biex joħolqu sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji tad-diżinformazzjoni. Il-kampanja tinkludi vidjo kif ukoll suġġerimenti prattiċi dwar kif tidentifika d-diżinformazzjoni.