No

Laqgħa Straordinarja tal-Kumitat ta' Kuntatt tal-Kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Unjoni Ewropea li saret fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri fit-8 ta' Mejju 2013
Luxembourg2013CC.jpg
Laqgħa straordinarja tal-Kapijiet tas-SAIs tal-UE u l-QEA kienet ospitata mill-QEA fit-8 ta' Mejju 2013 u preseduta mis-Sinjura Giedrė Švedienė, l-Awditur Ġenerali tal-Litwanja u Aġent President tal-Kumitat ta' Kuntatt. Attendew għaliha 59 delegat minn 24 SAI tal-UE, mill-QEA, u minn SAIs ta' erba' pajjiżi kandidati (il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja). Din kienet l-ewwel laqgħa straordinarja fl-istorja tal-Kumitat ta' Kuntatt.
 
Kien hemm żewġ punti fuq l-aġenda tal-laqgħa: 1) abbozz ta' dikjarazzjoni dwar l-importanza ta' arranġamenti xierqa tal-awditjar u tal-obbligu ta' rendikont fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja u żviluppi relatati; u 2) skambju preliminari ta' fehmiet dwar id-dokument ta' pożizzjoni tat-Task Force ‘Riżoluzzjoni 6’ tal-Kumitat ta' Kuntatt.
 
Taħt l-ewwel punt tal-aġenda l-membri tal-Kumitat ta' Kuntatt iddiskutew inizjattiva Finlandiża li għandha l-għan li tintbagħat dikjarazzjoni komuni lill-President tal-Kunsill Ewropew, fid-dawl tad-diskussjoni li ġejja tal-Kunsill, skedata għal Ġunju 2013, dwar miżuri possibbli u pjan direzzjonali għall-approfondament u l-ikkompletar ulterjuri tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). Din id-diskussjoni tal-Kunsill pprovdiet opportunità importanti biex tinġibed l-attenzjoni ta' dawk li jfasslu l-politika għar-rwol tal-obbligu ta' rendikont u tal-awditu pubbliku estern matul l-iżvilupp ulterjuri tal-UEM.
 
Il-Kumitat ta' Kuntatt adotta b'mod unanimu dikjarazzjoni dwar l-importanza ta' arranġamenti xierqa tal-awditjar u tal-obbligu ta' rendikont fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja u fil-governanza ekonomika tal-UE li għandha tintbagħat lill-President tal-Kunsill Ewropew.
 
Fid-dikjarazzjoni tiegħu l-Kumitat ta' Kuntatt appella lill-Kunsill Ewropew biex jissalvagwardja u jsaħħaħ l-awditu pubbliku estern u l-obbligu ta' rendikont matul l-ikkompletar tal-UEM, tal-unjoni bankarja u tal-koordinazzjoni msaħħa ta' politiki ekonomiċi, b'mod partikolari billi:
 
- jibni qafas koerenti tal-awditjar u tal-obbligu ta' rendikont;
- jirrikonoxxi l-importanza tal-awditu pubbliku estern fil-leġiżlazzjoni tal-UE;
- isaħħaħ l-arranġamenti tal-awditjar fir-rigward tal-unjoni bankarja;
- jinkorpora arranġamenti tal-awditjar fil-qasam tad-dixxiplina fiskali; u
- itejjeb it-trasparenza u l-koerenza tal-awditjar tal-istrumenti ta' stabilizzazzjoni finanzjarja.
 
Sar qbil ukoll dwar ittra ta' akkumpanjament għad-dikjarazzjoni u din ġiet iffirmata mill-membri tat-Trojka – il-Kapijiet tas-SAIs tal-Litwanja (Aġent President), tal-Portugall u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
 
Taħt it-tieni punt tal-aġenda sar skambju preliminari ta' fehmiet dwar id-Dokument ta' Pożizzjoni tat-Task Force tal-Kumitat ta' Kuntatt dwar il-kompiti u r-rwoli tal-awditu pubbliku estern fid-dawl ta' żviluppi reċenti fil-governanza ekonomika tal-Unjoni Ewropea, li ġie stabbilit mill-Kumitat ta' Kuntatt f'Ottubru 2012. It-Task Force wettqet analiżi approfondita u żviluppat Dokument ta' Pożizzjoni li jippreżenta sommarju tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force u li jiddeskrivu fil-qosor ideat dwar liema kwistjonijiet għandhom jiġu indirizzati mill-Kumitat ta' Kuntatt fil-futur. Huwa kien jinkludi wkoll proposti dwar kif il-Kumitat ta' Kuntatt jista' jopera b'mod aktar effettiv. Il-Kumitat ta' Kuntatt talab lill-uffiċjali ta' kollegament biex jesploraw aktar u joħorġu bi proposti aktar konkreti dwar il-kwistjonijiet ippreżentati bil-ħsieb tal-laqgħa tal-Kumitat ta' Kuntatt li kien imiss, skedata għal Ottubru 2013.