No
Il-Kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (SAIs) tas-28 Stat Membru tal-UE u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ltaqgħu f’Vilnjus, il-Litwanja, fl-10 u fil-11 ta’ Ottubru 2013
 
 
 
 
Il-laqgħa annwali 2013 tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Kapijiet tas-SAIs tal-UE u l-QEA kienet ospitata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar tal-Litwanja fl-10 u fil-11 ta' Ottubru 2013 f'Vilnjus. Il-laqgħa kienet preseduta mis-Sinjura Giedrė Švedienė, l-Awditur Ġenerali tal-Litwanja u l-Aġent President tal-Kumitat ta' Kuntatt. Attendew għaliha 84 delegat mis-SAIs tal-UE u mill-QEA, mis-SAIs ta' tliet pajjiżi kandidati (il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija) u rappreżentanti tal-IDI, tal-EUROSAI u tas-SIGMA.
 
Din kienet l-ewwel darba li l-laqgħa annwali tal-Kumitat ta' Kuntatt inżammet f'Vilnjus, il-Litwanja, u saret matul il-perjodu storiku u importanti ħafna meta l-Litwanja kellha l-Presidenza tal-UE għall-ewwel darba fl-istorja tagħha.
 
Il-laqgħa nfetħet mill-Eċċellenza Tiegħu is-Sur Valdas Adamkus, l-ex-President tar-Repubblika tal-Litwanja, li feraħ lill-parteċipanti u esprima l-fiduċja tiegħu li l-kapijiet tas-SAIs tal-UE l-QEA kienu se jsibu l-aħjar soluzzjonijiet għat-titjib tal-obbligu ta' rendikont fis-settur pubbliku u t-twettiq tal-kompiti assenjati lil awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar.
 
Il-fokus prinċipali tal-laqgħa kien seminar dwar l-iżviluppi l-aktar reċenti li kienu jinkludu żewġ temi: 1) il-qafas finanzjarju l-ġdid għall-2014-2018 u r-regolament finanzjarju l-ġdid – ir-rwol tas-SAIs fit-titjib tal-obbligu ta' rendikont fl-UE; u 2) governanza ekonomika ġdida – ir-rwol u l-kompiti għas-SAIs.
 
Is-seminar infetaħ b'żewġ kelliema mistiedna distinti: is-Sur Algirdas Šemeta, il-Kummissarju Ewropew responsabbli għat-Kummissarju għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, l-Awditjar u l-Ġlieda Kontra l-Frodi, u s-Sur Michael Theurer, MEP, President tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, tal-Parlament Ewropew (id-diskors twassal permezz ta' preżentazzjoni fuq vidjo). Il-kelliema mistiedna qasmu l-ideat tagħhom dwar il-kwistjonijiet importanti relatati mal-aħħar żviluppi fil-governanza u fl-obbligu ta' rendikont tal-UE.
 
L-ewwel tema ġiet ittrattata fil-preżentazzjonijiet tal-QEA u ta' bosta SAIs tal-UE li qasmu l-ideat u l-esperjenzi attwali tagħhom. Ġie enfasizzat li dawk kollha involuti fil-kontroll finanzjarju pubbliku tal-baġit tal-UE fil-livell tal-UE, fil-livell nazzjonali u f'dak reġjonali, kemm jekk huma responsabbli għall-kontroll intern, għall-awditu estern jew għas-sorveljanza politika, iridu jiffaċċjaw l-isfida li jippruvaw itejbu l-obbligu ta' rendikont tal-UE fis-snin li ġejjin. Ġie enfasizzat ukoll li oqfsa legali ġodda li jirregolaw il-fondi tal-UE se jidħlu fis-seħħ f'qasir żmien u li hemm xi elementi importanti ġodda u kuntest li qed jinbidel, x'jitqiesu, għalkemm il-karatteristiċi prinċipali tal-arranġamenti attwali tal-obbligu ta' rendikont se jibqgħu l-istess.
 
Fir-rigward tat-tieni tema, għadd ta' SAIs qasmu l-fehmiet tagħhom u l-iżviluppi l-aktar reċenti fl-ittrattar tal-kwistjonijiet ta' governanza ekonomika ġdida fil-pajjiżi proprji tagħhom. Is-SAI tal-Finlandja rrappurtat dwar is-segwitu li ngħata lill-inizjattiva approvata mill-Kumitat ta' Kuntatt fir-rigward tal-indirizzar kollettiv lill-Kunsill Ewropew u dwar in-Netwerk dwar l-Awditu tal-Politika Fiskali. It-tieni tema kienet tinkludi wkoll diskussjonijiet attivi u skambju ta' ideat dwar is-segwitu u l-passi li jmiss fir-rigward tad-Dokument ta' Pożizzjoni tat-Task Force dwar il-kompiti u r-rwoli l-ġodda għall-awditu pubbliku estern fid-dawl ta' żviluppi reċenti fil-governanza ekonomika tal-UE.
 
Fit-tieni jum il-laqgħa kienet indirizzata minn kelliem mistieden prominenti ieħor, Dr. Gediminas Mesonis, Imħallef tal-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja u Professur fil-Fakultà tal-Liġi tal-Università Vytautas Magnus (il-Litwanja), li qasam il-fehmiet tiegħu dwar il-kwistjoni tal-Indipendenza tas-SAIs. Il-preżentazzjoni ntlaqgħet tajjeb ħafna mill-parteċipanti billi ġibdet l-attenzjoni għall-kwistjoni tal-indipendenza tas-SAIs minn perspettiva akkademika.
Il-Kumitat ta' Kuntatt ħa nota tad-Deskrizzjoni fil-qosor dwar l-Istatus ta' attivitajiet għall-2013 – ir-rapport annwali tal-attività li fih informazzjoni dwar l-istatus u l-attivitajiet tal-gruppi ta' ħidma, tan-netwerks u tat-task forces li attwalment qed joperaw fil-qafas tal-Kumitat ta' Kuntatt.
 
Ir-rapporti li ġejjin ġew ippreżentati lill-Kumitat ta' Kuntatt dwar l-attivitajiet attwali ta' kooperazzjoni fl-2013: Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Fondi Strutturali V (is-SAI tal-Ġermanja); Rapport dwar "The Spending Review in EU Countries - Analysis of the best practices, the findings and the perspectives" (L-eżaminar tal-Infiq fil-Pajjiżi tal-UE - Analiżi tal-aħjar prattiki, tas-sejbiet u tal-perspettivi) (is-SAI tal-Italja); Rapport dwar is-seminar dwar standards tal-kontabbiltà pubblika (is-SAI ta' Franza); Rapport konġunt dwar l-awditu kkoordinat dwar l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar vjeġġi ta' skart (is-SAI tal-Pajjiżi l-Baxxi). Is-SAI tal-Litwanja qasmet informazzjoni dwar l-Awditu Kooperattiv ta' Parkijiet Nazzjonali.
 
Is-SAI tat-Turkija rrappurtat dwar l-attivitajiet tan-Netwerk tas-SAIs ta’ Pajjiżi Kandidati u ta’ dawk Potenzjalment Kandidati u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
 
Is-SAI tal-Pajjiżi l-Baxxi rrappurtat dwar il-progress tat-tħejjijiet għad-IX Kungress tal-EUROSAI, li se jinżamm mill-15 sad-19 ta' Ġunju 2014 fl-Aja, il-Pajjiżi l-Baxxi, u dwar l-ewwel Kungress Young EUROSAI (YES), skedata mill-20 sat-22 ta' Novembru 2013 f'Rotterdam.
 
Wara d-dibattiti dwar it-temi msemmija hawn fuq, ġew adottati ħames riżoluzzjonijiet dwar l-implimentazzjoni ta' strateġiji futuri u l-indirizzar ta' sfidi ġodda għas-SAIs fil-kuntest ta' arranġamenti reċenti tal-obbligu ta' rendikont u żviluppi ġodda fil-governanza ekonomika fl-UE:
 
  • Riżoluzzjoni dwar it-Tkomplija tan-Netwerk dwar l-Awditu tal-Politika Fiskali (CC-R-2013-01);
  • Riżoluzzjoni dwar l-attivitajiet futuri 2014 tal-Kumitat ta' Kuntatt tas-SAIs tal-UE (CC-R-2013-02);
  • Riżoluzzjoni dwar l-Awditu tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Fondi Strutturali (CC-R-2013-03);
  • Riżoluzzjoni dwar Standards tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku għal Stati Membri Ewropej (EPSAS) (CC-R-2013-04);
  • Riżoluzzjoni dwar il-Pubblikazzjoni tar-rapport finali tal-Awditu kkoordinat dwar l-infurzar tar-Regolament Ewropew dwar Vjeġġi ta' Skart (CC-R-2013-05).
 
Il-Kumitat ta' Kuntatt ħa nota wkoll tad-Dokument ta' Pożizzjoni tat-Task Force dwar il-kompiti u r-rwoli l-ġodda għall-awditu pubbliku estern fid-dawl ta' żviluppi reċenti fil-governanza ekonomika tal-UE u ddeċieda li jerġa' jlaqqa' t-Task Force taħt it-tmexxija tal-Aġent President biex tkompli bl-attivitajiet tagħha u biex tirrapporta lill-laqgħa tal-2014 tal-Kumitat ta' Kuntatt.
 
Il-laqgħa tal-2014 tal-Kumitat ta' Kuntatt se tinżamm fil-Lussemburgu fis-16 u fis-17 ta' Ottubru 2014 u se tkun ospitata mill-QEA. Il-laqgħa tal-2015 tal-Kumitat ta' Kuntatt se tkun ospitata mis-SAI tal-Latvja u se tinżamm f'Riga matul il-Presidenza Latvjana tal-UE.