No


Il-kooperazzjoni bejn l-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (SAIs) tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) sseħħ prinċipalment fi ħdan il-qafas tal-istruttura tal-Kumitat ta’ Kuntatt. Din l-istruttura hija magħmula mill-Kumitat ta’ Kuntatt stess, kompost mill-Kapijiet tas-SAIs tal-UE u mill-QEA, mill-Uffiċjali ta’ Kollegament, li jipprovdu netwerk attiv ta’ kuntatti professjonali madwar l-Ewropa, kif ukoll minn gruppi ta’ ħidma, netwerks u task forces fuq suġġetti speċifiċi tal-awditjar.

Sfond

L-ewwel laqgħa tal-Kapijiet tas-SAIs tal-UE (dak iż-żmien il-KEE) saret fl-1960. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Kapijiet tas-SAIs ilhom jaħdmu flimkien fil-Kumitat ta’ Kuntatt, li jaġixxi bħala forum fejn jiġu diskussi kwistjonijiet ta’ interess komuni. Bl-introduzzjoni tar-riżorsi proprji għall-finanzjament tal-baġit tal-UE tard fis-snin sittin, u r-rwol estiż sussegwenti tal-Parlament Ewropew fi kwistjonijiet baġitarji, il-ħtieġa għal korp tal-awditjar indipendenti għall-UE saret aktar u aktar evidenti. Fil-fatt il-Kumitat ta’ Kuntatt kien strumentali fil-ħolqien tal-QEA u fil-kodifikazzjoni tas-setgħat tagħha fit-Trattat ta’ Brussell fl-1975, li wassal għall-ħolqien tal-QEA fl-1977. Fl-1978 l-Kumitat ta’ Kuntatt stieden lill-QEA biex tissieħeb, u b’hekk din saret l-10 membru tiegħu.

Waqt li l-integrazzjoni Ewropea ilha tiżviluppa mit-Trattat ta’ Ruma ’l hawn, hekk ukoll ġara bir-rwol tal-Kumitat ta’ Kuntatt. Matul is-snin, il-kooperazzjoni bejn is-SAIs tal-Istati Membri tal-UE u l-QEA saret aktar organizzata u istituzzjonalizzata. Dan huwa rifless ukoll fit-trattati Ewropej fejn ir-referenza għal tali kooperazzjoni, gradwalment saret aktar espliċita.

It-Trattat tal-KE fil-forma oriġinali tiegħu ddikjara li l-QEA għandha twettaq l-awditu tagħha bi “ftehim” mas-SAIs tal-Istati Membri*, filwaqt li t-Trattat ta’ Amsterdam aktar tard żied jgħid li “il-Qorti tal-Awdituri u l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-verifika tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw fi spirtu ta’ fiduċja waqt li jippreservaw l-indipendenza tagħhom”. Imbagħad, fit-Trattat ta’ Nizza, id-Dikjarazzjoni 18 tal-att finali tiegħu stiednet lill-QEA biex din twaqqaf Kumitat ta’ Kuntatt mas-SAIs tal-Istati Membri (li fil-fatt diġà kien jeżisti)**.

Madankollu, il-kooperazzjoni bejn is-SAIs tal-Istati Membri tal-UE u l-QEA mhix sempliċiment obbligu legali iżda pjuttost ħtieġa prattika ddettata mill-fatt li l-amministrazzjonijiet Komunitarji u nazzjonali saru aktar u akar marbuta mill-qrib. Bid-deċentralizzazzjoni fuq skala kbira tal-ġestjoni tal-baġit tal-UE lejn l-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri u fil-pajjiżi benefiċjarji, iċ-ċentru ta’ gravità tal-awditu tal-flus tal-UE mexa lejn dawn il-pajjiżi. B’konsegwenza ta’ dan, it-Trattat ta bażi legali għall-kooperazzjoni bejn il-QEA u l-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar nazzjonali jew korpi nazzjonali tal-awditjar kompetenti oħrajn. Fil-prattika, l-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar nazzjonali jagħtu lill-awdituri tal-QEA appoġġ prattiku u loġistiku lokali kif ukoll għarfien speċifiku tal-qasam awditjat.

Il-funzjoni Kollassa/Espandi hija kompletament disponibbli biss għall-utenti mingħajr diżabbiltà fil-vista (it-test diġà huwa disponibbli għas-software tal-qari tal-iskrin)

Kooperazzjoni mas-SAIs ta’ pajjiżi kandidati u ta’ dawk potenzjalment kandidati

Il-Kumitat ta’ Kuntatt jippromwovi u jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn pajjiżi kandidati u dawk potenzjalment kandidati u s-SAIs tal-Istati Membri tal-UE permezz ta’ bosta inizjattivi, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma fi ħdan il-qafas tan-Netwerk tas-SAIs ta’ pajjiżi kandidati u l-pajjiżi ta’ dawk potenzjalment kandidati u l-QEA. Minbarra l-parteċipazzjoni tal-kapijiet ta’ dawk is-SAIs fil-laqgħat tal-Kumitat ta’ Kuntatt bħala osservaturi, il-Grupp Konġunt ta’ Ħidma dwar Attivitajiet tal-Awditjar (JWGAA), is-suċċessur tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ qabel tal-Kumitat ta’ Kuntatt għall-Pajjiżi Kandidati, jippromwovi kooperazzjoni fuq skala żgħira, prattika u diretta.

Kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali

Rappreżentanti tal-EUROSAI, l-organizzazzjoni umbrella Ewropea għall-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar, u tal-INTOSAI, l-organizzazzjoni dinjija, jattendu laqgħat tal-Kumitat ta’ Kuntatt u jiġu mistiedna jirrappurtaw dwar l-iżvilupp u l-pjanijiet futuri tagħhom. Eżempji oħra ta’ kooperazzjoni mal-EUROSAI jinkludu avvenimenti ta’ taħriġ konġunt u l-parteċipazzjoni ta’ membri tal-EUROSAI f’attivitajiet multilaterali mibdija taħt il-Kumitat ta’ Kuntatt. Barra minn hekk, is-SAIs individwali tal-Kumitat ta’ Kuntatt jipparteċipaw ukoll f’attivitajiet organizzati mill-EUROSAI u mill-INTOSAI.