28/06/2018
Bil-Kompendju tal-Awditjar, il-Kumitat ta’ Kuntatt (KK) qed joħroġ tip ġdid ta’ pubblikazzjoni, intenzjonata li ssaħħaħ il-komunikazzjoni ta’ messaġġi rilevanti tal-awditjar lill-partijiet ikkonċernati u lill-pubbliku inġenerali. Din l-ewwel edizzjoni hija ddedikata għall-kwistjoni ferm topika tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u tal-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. Hija bbażata fuq rapporti tal-awditjar li nħarġu minn 14-il membru tal-KK bejn l-2013 u l-2017.
Il-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa kwistjoni ta’ prijorità għall-biċċa l-kbira mill-Istati Membri tal-UE kif ukoll għall-Istituzzjonijiet Ewropej. Fl-2016, aktar minn 4 miljun żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej ma setgħux isibu xogħol u l-perċentwal tagħhom li qed jiffaċċjaw qgħad fit-tul jibqa' għoli. Il-membri tal-KK għandhom l-għan li, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak supranazzjonali, jiżguraw li l-fondi li jintużaw għall-ġlieda tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jintużaw b’mod effettiv.
Il-kompendju huwa disponibbli fuq dan is-sit web bi 24 lingwa tal-UE.