No

Il-Kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (SAIs) tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ltaqgħu f’Ħelsinki fit-3 u fl-4 ta’ Diċembru 2007
 
 
 
Il-laqgħa annwali tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Kapijiet tas-SAIs tal-UE u l-QEA kienet milqugħa mis-SAI tal-Finlandja, u ppreseduta mill-Awditur Ġenerali tal-Finlandja, is-Sur Tuomas Pöysti, fit-3 u fl-4 ta’ Diċembru 2007. Il-Kapijiet tas-SAIs tal-Pajjiżi Kandidati tat-Turkija, tal-Kroazja u ta’ l-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, kif ukoll rappreżentanti tal-Kumitat ta’ Taħriġ tal-EUROSAI u tas-SIGMA, attendew bħala osservaturi attivi.
Il-programm għal-laqgħa kien jinkludi seminar dwar il-ġestjoni tar-riskju fl-amministrazzjoni tajba tal-fondi tal-UE. It-tema tas-seminar kien “Risk management, tolerable level of risk and the integrated internal control system in the management of EU funds” (Il-ġestjoni tar-riskju, il-livell tollerabbli ta’ żball u s-sistema ta’ kontroll intern integrat fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE).
 
Is-seminar kellu l-iskop prinċipali li jkompli bit-taħdita li kienet inbdiet fi ħdan ir-riforma tar-Regolament Finanzjarju u l-pjan ta’ żvilupp tas-sistema ta’ kontroll intern integrat u wkoll biex ikun diskuss l-irwol tal-istituzzjonijiet supremi tal-verifika tal-Istati Membri fl-assigurazzjoni u fit-titjib tal-amministrazzjoni tajba tal-fondi tal-UE.
 
Il-kelliema mistiedna kienu s-Sur Siim Kallas, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, is-Sur Herbert Bösch, il-president tal-Kumitat tal-Kontroll tal-Baġit u s-Sur Matti Ahde, il-President tal-Kumitat tal-Verifika tal-Parlament Finlandiż.
 
Il-preżentazzjonijiet mill-kelliema mistiedna kienu segwiti minn interventi minn xi SAIs dwar l-esperjenzi nazzjonali rispettivi tagħhom fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju u l-irwol tas-SAIs fid-definizzjoni ta’ livell tollerabbli ta’ riskju fil-kuntest tal-UE.
 
Is-seminar enfasizza l-irwol importanti tas-SAIs fil-ġestjoni ta’ riskji relatati mal-baġit tal-UE u l-ħtieġa għal fehma komuni ta’ kategoriji ta’ riskju u livelli tollerabbli ta’ riskju.
 
Il-parteċipanti tħaddtu wkoll dwar ir-riżultati ta’ xogħol il-gruppi ta’ ħidma b’kopertura ta’ oqsma speċifiċi ta’ ġestjoni tal-fondi tal-UE: fondi strutturali, rapporti tas-SAIs nazzjonali dwar il-ġestjoni finanzjarja tal-UE, it-taxxa fuq il-valur miżjud, l-akkwist pubbliku, l-istandards tal-verifika, il-kwalità tal-verifika u l-agrikoltura. Fl-aħħar, ġew ippreżentati r-riżultati tan-Netwerk ta’ koperazzjoni tas-SAIs tal-Pajjiżi Kandidati u dawk Potenzjalment Kandidati, tal-QEA u tas-SIGMA.