No

Il-Kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (SAIs) tas-27 Stat tal-UE u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ltaqgħu fil-Lussemburgu fl-1 u fit-2 ta’ Diċembru 2008 
 

 

 
 
Il-QEA laqgħet il-laqgħa annwali ta’ jumejn tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Kapijiet tas-SAIs tal-UE fil-Lussemburgu. Il-laqgħa kienet ippreseduta mill-President tal-QEA, is-Sur Vítor Caldeira. Il-Kapjiet tas-27 SAI tal-Unjoni Ewropea kienu preżenti, bħalma kienu l-Kapijiet tas-SAIs tal-pajjiżi Kandidati, ir-rappreżentanti tal-Kumitat ta’ Taħriġ tal-EUROSAI u dawk tas-SIGMA, li attendew bħala osservaturi.
 
Il-Kumitat ta’ Kuntatt tal-2008 seħħ fi żmien meta l-Ewropa u l-bqija tad-dinja kienu għadhom fil-proċess li jassorbu l-iskossi globali li nħolqu wara l-kriżi fis-swieq finanzjarji. F’dan l-isfond, il-fokus tematiku prinċipali tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-2008 kien diskussjonijiet dwar ir-Riforma tal-Baġit tal-UE u l-Istrateġija ta’ Liżbona rreveduta għall-2008-2010; żewġ suġġetti li huma ta’ relevanza għall-ġestjoni tal-kriżi finanzjarja li laqtet lill-UE u lill-Istati Membri tagħha. Iż-żewġ suġġetti kienu elaborati matul diskussjonijiet f’panel.
 
Is-Sinjura Dalia Grybauskaité, li dak iż-żmien kienet il-Kummissarju tal-Programmazzjoni Finanzjarja u l-Baġit, tat preżentazzjoni ta’ tmexxija dwar ir-riforma tal-baġit tal-UE. It-taħdita li segwiet ikkonfermat li l-azzjoni kienet meħtieġa u wriet kemm kien importanti l-irwol tas-SAIs f’dan ir-rigward. L-evalwazzjoni tar-riskju tagħhom għandu rwol deċiżiv f’ambjent finanzjarju fejn il-fluss tal-flus qiegħed jistaġna.
 
Bl-istess mod, l-Istrateġija ta’ Liżbona rreveduta għall-2008 -2010 kienet diskussa fl-isfond ta’ dawn l-iżviluppi. Kien hemm ottimiżmu li l-Istrateġija ta’ Liżbona rreveduta għandha mnejn trażżan l-effetti avversi tal-kriżi finanzjarja.
 
It-tieni jum tal-laqgħa kien jinkludi tpartit ta’ esperjenzi u ta’ informazzjoni dwar ir-riżultat tal-koperazzjoni, u kienu koperti oqsma speċifiċi tal-ġestjoni tal-fondi tal-UE u kwistjonijiet tal-verifika kif ukoll il-prospetti għal attivitajiet tal-ġejjieni.