No
​Il-QEA (ippreseduta minn Franza)
Il-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Unjoni Ewropea ltaqa’ fil-Lussemburgu fit-18 u d-19 ta’ Ottubru 2010
 
 
Kull sena dan il-Kumitat ilaqqa’ l-Kapijiet tas-SAIs tal-Unjoni Ewropea u l-president tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, kif ukoll il-presidenti tas-SAIs tal-pajjiżi kandidati jew potenzjalment kandidati. Fl-2010 għall-ewwel darba l-Kumitat ta’ Kuntatt, milqugħ mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fil-Lussemburgu, ġie ppresedut mill-President tal-Qorti Franċiża għall-Kontabilità, Didier Migaud, madankollu f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Vitor Caldeira. Dan l-arranġament fil-fatt ippermetta ż-żamma ta’ “trojka” tat-tliet presidenti inkarigati mit-tħejjija tal-Kumitati; fil-fatt il-Kumitat tal-2011 se jseħħ mill-ġdid fil-Lussemburgu.
 
Bħalma saret drawwa issa wara għadd ta' snin, il-laqgħa fetħet b'seminar li din is-sena kien iddedikat għall-irwol tal-Parlamenti nazzjonali sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona. Bosta kelliema mistiedna tkellmu dwar l-aspetti differenti storiċi, ġuridiċi, istituzzjonali jew politiċi ta' din il-kwistjoni: Jean Laporte, Direttur tas-servizzi tal-Affarijiet Ewropej tas-Senat Franċiż, Colette Flesch, eks Ministru tal-Affarijiet Barranin, eks Membru tal-Kamra tad-Deputati tal-Lussemburgu u tal-Parlament Ewropew, u Edward Leigh, Membru tal-House of Commons tar-Renju Unit u eks President tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi. Taw interventi wkoll il-presidenti Tuomas Poysti, tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika tal-Finlandja, Guilherme d’Oliveira Martins, tat-Tribunal des Contas tal-Portugall, u Jacek Jezierski, tal-Kamra Suprema ta’ Kontroll fil-Polonja.
 
Il-Parlamenti nazzjonali, li bit-Trattat ta’ Lisbona rċevew setgħa ta’ kontroll tal-prinċipju ta’ sussidjarità, għandhom irwol aktar u aktar attiv fil-qasam komunitarju. Iżda l-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi Ewropej għadhom jokkupaw biss post limitat u inugwali, skont il-pajjiżi, fid-dibattiti pubbliċi.
 
Bl-istess mod ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju ppermettiet id-dibattitu dwar l-iżviluppi tal-kontroll fil-preżenza tal-Kummissarju Algirdas Semeta, inkarigat mit-tassazzjoni u mill-unjoni doganali, mill-verifika u mill-ġlieda kontra l-frodi. Id-dibattitu, li kien imqanqal ħafna, kien jittratta l-aktar mal-kunċett ta’ riskju tollerabbli ta' żbalji.
 
B'hekk il-Kumitat kien ukoll okkażjoni għal tpartit ta’ esperjenzi dwar il-kontrolli ta’ fondi Ewropej, b’żewġ preżentazzjonijiet mis-SAIs tad-Danimarka u tal-Pajjiżi l-Baxxi.
 
Għal dak li jirrigwarda l-attivitajiet tal-Kumitat u tal-Gruppi ta’ Ħidma tiegħu, għandhom jitqiesu bosta stadji sinifikanti: riflessjoni fil-fond fuq it-tmexxija tal-Kumitat, frott ta’ investigazzjoni mill-presidenti, wasslet għal iffukar mill-ġdid tal-attività tiegħu fuq l-isfidi tal-Komunità u fuq id-dibattiti; il-Grupp ta' Ħidma dwar l-istandards komuni tal-verifika ppreżenta r-rapport finali tiegħu; fl-aħħar nett, ġew varati żewġ attivitajiet ġodda mmexxija mis-SAIs tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Litwanja.
 
F’dawn l-oqsma kollha, l-uffiċjali tal-kollaborazzjoni se jkunu inkarigati mill-assigurazzjoni tas-segwitu u mill-iffaċilitar tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kumitat.