No
Il-Kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (SAIs) tas-27 Stat Membru tal-UE u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ltaqgħu f’Estoril fit-18-19 ta’ Ottubru 2012
 
 
Il-laqgħa annwali tal-2012 tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-UE (SAIs) u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) kienet milqugħa mit-Tribunal de Contas tal-Portugall fit-18 u d-19 ta' Ottubru 2012 f'Estoril. Il-laqgħa, preseduta mill-President tat-Tribunal de Contas, is-Sur Guilherme d'Oliveira Martins, attendew għaliha 93 delegat mis-SAIs tal-Istati Membri u mill-QEA, kif ukoll mis-SAIs tal-Kroazja (pajjiż aderenti) u erba' pajjiżi kandidati (dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija); rappreżentanti ta' IDI-INTOSAI (in-Norveġja) u ta' SIGMA (OECD) ipparteċipaw ukoll.
 
L-ewwel tema tal-laqgħa, Challenges for SAIs in preparing for the next EU financial framework period (Sfidi għas-SAIs waqt il-preparamenti għall-perijodu suċċessiv tal-qafas finanzjarju tal-UE), ġie trattat f’seminar.
 
Is-seminar attenda għalih kelliem mistieden distint, is-Sur Algirdas Šemeta, il-Kummissarju Ewropew responsabbli għat-Tassazzjoni u Unjoni Doganali, l-Awditjar u l-Ġlieda kontra l-Frodi. Rappreżentanti ta’ bosta SAIs tal-UE u tal-QEA ppreżentaw il-fehmiet mil-lat tagħhom u l-esperjenzi kurrenti tagħhom.
 
Ir-Regolament Finanzjarju ġdid se jsaħħaħ l-obbligu ta’ rendikont tal-Istati Membri. Atti leġiżlattivi ġodda tal-UE jikkonċernaw kwistjonijiet fundamentali bħat-tisħiħ tas-sorveljanza baġitarja u tas-sorveljanza tal-politika ekonomika tal-Istati Membri, infurzar tal-korrezzjoni ta’ defiċits eċċessivi u ta’ żbilanċi makroekonomiċi u l-issettjar ta’ rekwiżiti għall-qafas fiskali tagħhom.
 
Is-SAIs tal-Istati Membri tal-UE u l-QEA għandhom l-għan li jikkontribwixxu għat-titjib tas-sistemi u li jtejbu l-effettività tal-użu nazzjonali ta’ fondi Komunitarji, kif ukoll għall-miżuri ta’ governanza ekonomika u fiskali ġodda tal-Unjoni Ewropea; huma wkoll impenjati fl-adozzjoni ta’ pożizzjoni indipendenti u rigoruża fir-rigward ta’ titjib fil-kwalità tal-infiq.
 
Fir-rigward tat-tieni tema, Latest developments in responding to the financial crisis and SAIs’ experience of related audits (L-aħħar żviluppi fir-reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u l-esperjenza tas-SAIs f’awditi relatati), ġew preżentati r-riżultati ta' xi analiżi speċifika rikjesta mill-Kumitat ta' Kuntatt: ir-rapport tat-Task Force biex jesplora l-possibbiltajiet għal kooperazzjoni mal-Eurostat u istituzzjonijiet nazzjonali tal-istatistika; il-qagħda tal-inizjattiva konġunta tas-SAIs taż-żona tal-Euro fir-rigward tal-awditjar estern tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà; ir-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma biex iwettaq studju pilota biex jidentifika possibbiltajiet ta’ defiċits fl-awditjar pubbliku fil-qasam ta’ arranġamenti, miżuri u strumenti ġodda stabbiliti fuq livell nazzjonali, tal-UE u intergovernattiv b’reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika; ir-rapport ta’ progress tan-Netwerk tal-Awditjar tal-Politika Fiskali.
 
Barra minn hekk xi SAIs ippreżentaw ukoll il-fehmiet u l-esperjenzi tagħhom, prinċipalment fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, dwar żviluppi reċenti fl-awditjar finanzjarju u r-rwol tas-SAIs; l-implikazzjonijiet f’termini ta’ standards tal-kontabbiltà u l-konvenjenza tal-IPSAS għall-Istati Membri tal-UE; ir-regoli baġitarji u l-parti tad-dħul tal-Baġit tal-Istat.
 
Wara li ġew diskussi t-temi I u II, il-laqgħa ġiet indirizzata minn kelliem mistieden prominenti ieħor, il-Gvernatur tal-Banco de Portugal, is-Sur Carlos da Silva Costa, li ta d-diskors tal-għeluq tal-parti tematika tal-laqgħa.
 
Wara d-dibattiti fuq it-temi msemmija hawn fuq, sitt riżoluzzjonijiet ġew addottati dwar l-implimentazzjoni ta’ strateġiji futuri biex jgħinu biex jiċċaraw ir-rwoli tas-SAIs fil-kuntest ta’ sfidi ġodda, bħall-iżviluppi reċenti fil-governanza ekonomika tal-Unjoni Ewropea.
 
Id-delegati ġew mgħarrfa wkoll dwar l-attivitajiet segwenti tas-SAIs imniżżla hawn: rapport dwar Best audit practices and main audit recommendations for corporate governance audits of state and municipality owned enterprises (L-aħjar prattiki tal-awditjar u r-rakkomandazzjonijiet prinċipali għall-awditi tal-governanza korporattiva ta’ intrapriżi tal-istat u tal-muniċipalitajiet) (is-SAI tal-Latvja); is-seminar dwar Experience gained during the winding-up of the programming period 2000-2006 (L-esperjenza miksuba waqt l-istralċ tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2000-2006) (is-SAI tal-Ungerija); u l-awditi Monitoring Risks to Public Finances (Il-Monitoraġġ tar-Riskji għall-Finanzi Pubbliċi) (is-SAI tal-Pajjiżi l-Baxxi) u Results of the Cooperative Audit of CO2 Emission Trading Systems (Riżultati tal-Awditu Kooperattiv tas-Sistemi ta’ Negozjar ta’ Emissjonijiet tas-CO2) (is-SAI tad-Danimarka).
 
Waqt il-laqgħa saret ukoll preżentazzjoni mis-Segretarju Ġenerali tal-INTOSAI u l-President tas-SAI tal-Awstrija dwar Riżoluzzjoni importanti A/66/209 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti: “Promoting the efficiency, accountability, effectiveness and transparency of public administration by strengthening Supreme Audit Institutions” (“Promozzjoni tal-effiċjenza, tal-kontabbiltà, tal-effettività u tat-trasparenza tal-amministrazzjoni pubblika permezz tat-tisħiħ tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar”).
 
Il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Kuntatt f’Ottubru 2013 se ssir f’Vilnjus, milqugħa mis-SAI tal-Litwanja u preseduta mill-Awditur Ġenerali, is-Sinjura Giedrė Švedienė.