No
Laqgħa tal-Kumitat ta' Kuntatt tal-Kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Unjoni Ewropea u l-QEA, Riga, il-Latvja, 18-19 ta' Ġunju 2015
Contact_Committee_Riga_2015.jpg

Il-laqgħa annwali tal-2015 tal-Kumitat ta' Kuntatt ġiet ospitata u preseduta mill-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat tar-Repubblika tal-Latvja fit-18-19 ta' Ġunju 2015 f'Riga. Il-laqgħa kkoinċidiet mal-Presidenza Latvjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-kapijiet tal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs) tal-Albanija, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija, kif ukoll rappreżentanti tas-Segretarjat tal-EUROSAI u s-SIGMA, attendew il-laqgħa bħala osservaturi attivi.
 
Is-suġġett prinċipali tad-diskussjoni kien il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS). Żewġ kelliema mistednin esprimew il-fehmiet tagħhom dwar is-suġġett. Is-Sur Burkhard Schmidt, (aġent) Direttur tal-Finanzi, il-koordinazzjoni mal-BEI, il-BERŻ u l-IFIs fid-DĠ ECFIN fil-Kummissjoni Ewropea, ta preżentazzjoni dwar l-arranġamenti finanzjarji fir-rigward tal-FEIS, u l-arranġamenti rilevanti ta' governanza u tal-obbligu ta' rendikont. Is-Sur Nicholas Jennett, Direttur ta' Prodotti Ġodda u Tranżazzjonijiet Speċjali fil-Bank Ewropew tal-Investiment, ippreżenta l-perspettiva u r-rwol tal-BEI fil-FEIS/fil-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u ddeskriva fil-qosor il-proċess ta' identifikazzjoni u ta' għażla tal-proġetti. Fid-diskussjoni li segwiet, il-kapijiet tas-SAIs iddiskutew il-progress li sar lejn l-adozzjoni tar-regolament tal-FEIS u l-arranġamenti ta' governanza, tal-obbligu ta' rendikont u tal-awditjar proposti. Il-Kumitat ta' Kuntatt irrikonoxxa li l-leġiżlaturi tal-UE kienu indirizzaw ċerti kwistjonijiet relatati ma' dawn l-arranġamenti, inkluża l-introduzzjoni ta' aktar ċarezza fir-rigward tal-mandat tal-awditjar tal-QEA, u qies li jkun ta' benefiċċju jekk l-impatt tal-arranġamenti ta' governanza u tal-obbligu ta' rendikont jiġi esplorat ladarba dawn jiġu stabbiliti, kif ukoll jekk tiġi esplorata l-konsegwenza possibbli tagħhom fuq l-awditjar pubbliku.
 
Fis-sessjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra irregolaritajiet u frodi u l-kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi, il-kapijiet tas-SAIs irrikonoxxew il-ħtieġa li l-kooperazzjoni tas-SAIs tissaħħaħ u stabbilixxew grupp ta' ħidma rilevanti biex jindirizza dawn il-kwistjonijiet. Fis-sessjoni dwar il-qafas finanzjarju pluriennali 2014 -2020 huma semmew il-ħtieġa li jkun hemm fokus fuq il-prestazzjoni u r-riżultati fejn rilevanti, l-importanza tal-aderenza mal-prinċipji tal-ekonomija, l-effettività u l-effiċjenza meta jiġu implimentati proġetti, u r-rilevanza ta' indikaturi tal-prestazzjoni.
 
Il-Kumitat ta' Kuntatt adotta dikjarazzjoni dwar l-arranġamenti tal-obbligu ta' rendikont u tal-awditjar li jikkonċernaw is-superviżjoni bankarja wara l-introduzzjoni tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, bl-għan li titqajjem sensibilizzazzjoni dwar din il-kwistjoni. Id-dikjarazzjoni hija indirizzata lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.
 
Barra minn hekk, il-Kumitat ta' Kuntatt qabel li jwettaq erba' awditi kollaborattivi. Minħabba l-importanza tal-istrateġija Ewropa 2020, żewġ awditi se jkunu mmirati lejn proġetti li jippromwovu l-edukazzjoni u l-impjieg. Awditu ieħor se jiffoka fuq ir-riskji ta' bażi għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u ieħor se jittratta l-implimentazzjoni tas-superviżjoni prudenzjali tal-banek.
 
Il-laqgħa li jmiss se tiġi ospitata u preseduta mill-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar tar-Repubblika Slovakka f'Ottubru 2016.